Thursday, 16 November 2017
BIL-FILMAT: B'daqqa ta' sieq, tista' tgħin lil Nigel
Nigel huwa tifel li f'Settembru li għadda għamel operazzjoni biex jibdulu qalbu, wara xhur l-Ingilterra jistenna qalb. Nigel għandu 6 xhur oħra l-Ingilterra biex jingħata trattament u b'daqqa ta' sieq tista' ttaffi ftit mill-ispejjeż tal-familja tiegħu.
Get Fit for Charity qed jorganizzaw żewġ attivitajiet sportivi biex jgħinu lil Nigel. Aħna tkellimna ma' Matthew Ellul, wieħed mill-organizzaturi. "Fl-ewwel tliet snin, jiena u sħabi konna norganizzaw attività sportiva u l-qligħ kollu jmur għal organizzazzjoni jew persuna partikolari. Fl-ewwel sena għamilnieha għall-Istrina, fit-tieni sena għamilnieha għal Bjorn fi żmien meta Xarabank għamel il-ġabra u s-sena l-oħra ġbarna għal Sven, tifel li kien deher f'Puttinu," jispjegalna Matthew.
Din is-sena, dawn il-ħbieb ingħaqdu flimkien bħala grupp, Get Fit for Charity, iddeċidew li jiġbru għal Nigel. "Fi żmien meta rajnieh f'Puttinu u fuq l-Istrina, l-istorja ta' Niġel mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tagħna. Apparti li huwa tifel dħuli, għandu każ partikolari u meta rajna li ilu jgħix l-Ingilterra għal kważi sena sħiħa u għandu sitt xhur oħra, emminna li jekk niġbru ammont żgħir ta' flus, għalih ifissru ħafna."
X'qal Nigel meta sema' b'din l-inizjattiva? "Ħa pjaċir ħafna u meta tlabnieh jgħaddilna messaġġ, kien jidher li huwa kuntent li ħsiebna fih u li għażilna lilu."
X'se jkun hemm fit-3 ta' Diċembru? "Fid-9:00am, fl-iskola sekondarja ta' St Thomas More se jkun hemm 5 a-side tournament tal-futbol, u bejn l-10:00am u l-11:00am se jkun hemm circuit training. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu lil Matthew stess fuq 99010702.
"Billi niċċaqalqu ftit u noħorġu xi ħaġa tal-flus, flimkien nistgħu niġbru somma żgħira li biha nistgħu ngħinu lil tifel fil-bżonn," itemm jgħidilna Matthew.
Aqra iktar dwar din l-attività hawn.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment