Saturday, 4 November 2017
BIL-FILMAT: "Għaliex kelli ngħaddi minnha darbtejn?" - Liliana, oħt Janie Turner
Janie Turner ta' 45 sena, omm ta' tliet snin. Ftit ġimgħat ilu tkun passiġġiera fil-karozza. Il-karozza taħbat, tinqaleb u Janie tmut fuq il-post.
Fl-istess post, snin ilu mietet oħtha Carmen f'inċident simili bil-karozza.
Dakinhar Janie kellha tieġ filgħodu u ħalliet it-tifel tagħha ż-żgħir ma' oħtha Liliana. "Imbagħad ċempluli ftit wara biex jaraw jekk Jayden hux miegħi. Fl-isfond imma smajt leħen ommi mhux bħas-soltu. Imbagħad xħin qtajt bdejt ngħajjat lil Janie. Qbadt il-mowbajl u ċempiltha. Ma weġibtx. U mbagħad għedt żgur ġralha xi ħaġa. Imbagħad ċempilt lil ommi u għedtilha biex tgħidli x'ġara. Qaltli l-istess kliem li qaluli f'oħti Carmen, 'Mietet Janie.' Dak il-ħin immut ridt. Ninstabat ma' kullimkien, ma' kull rokna tad-dar u lanqas setgħu jżommuni. Ridt immut biex immur ħdejha għax ma ridtx naċċetta oħra żgur bħal din," tirrakkontalna Liliana.
Owen, it-tifel tagħha, għadu ma jistax jiġi f'tiegħu. "Minn dakinhar tal-inċident qisni qiegħed ġo ħolma. M'għadnix kif kont qabel."
Minn meta tilfet lil oħtha Carmen, Liliana kienet tibża' lil Janie wkoll. "Kont nibża' u kont ngħidilha biex toqgħodli attenta għax ridt li ma jiġrilha xejn."
L-aħħar tislima lil Janie tingħata fil-knisja tal-Mosta. "Qaluli kemm kien hemm ħafna u kienu hemm. Jiena ma rajt lil ħadd. Jiena lilha biss bdejt nara f'għajnjeha," jgħid Owen." Liliana tistqarr: "Nimmissjaha ħafna. Inħossha miegħi imma fl-istess ħin ma nistax naraha u ma nistax nisma' leħenha. Konna nċemplulu lil xulxin kuljum meta ma niltaqgħux."
"Min-naħa tiegħi żgur li ma nistax ninsieha. Jiena żgur ma nistax ninsieha. Hi dejjem kienet tkun bit-tbissima, jista' mhux ikollha l-problemi għax dejjem kienet tipprova tidħak," tgħidilna Michelle, il-ħabiba ta' Liliana.
"Kulħadd kien iħobbha. Kienet qalbha tajba wisq. Kienet taħfer. L-imħabba li kelli għaliha lanqas l-univers ma jibda magħha," jgħidilna Owen.
Għal Liliana dan huwa t-tieni funeral. Snin ilu difnu lil oħtha li wkoll mietet b'inċident tat-traffiku u wkoll fl-istess triq. "Iebsa hu. Għaliex kelli ngħaddi minnha darbtejn?" tistaqsi Liliana.
It-tifel ta' Liliana, Charlton, la kien ikellem lil ommu u lanqas lil zitu Janie. "Lil ziti, lejn l-aħħar kont intqajt minn magħha. Ma kontx għadni nkellimha. Għadni bid-dispjaċir u se nibqa' bid-dispjaċir sal-mewt li lanqas kellimtha qabel tliftha. Però qabel kienet kollox għalija. Dejjem magħha u mal-kuġini kont inkun," jgħidilna Charlton. Tant jiddispjaċih li fuq Facebook tella' kanzunetta rap li kiteb huwa stess.
Illum bis-saħħa taz-ziija Janie reġa' beda jkellem lil ommu Liliana. "Kont ilni disa' snin ma nkellem lil ommi. Kif mietet iz-zija, li tiġi oħtha, kellimtha għall-ewwel darba. Għaliex lil ziti tliftha ħabta u sabta u għadni bid-dispjaċir, u jekk jiġri l-istess lil ommi, l-istess se nħossni, jekk mhux iktar għax ommi," jistqarr Charlton.
"Iebsa wisq. Anke nirkeb il-karozza lanqas insuqha għax inħossha ħdejha. Kullimkien kont immur magħha," tgħidilna Liliana. Binha jixtieq: "Tgħannaqni waħda magħha qabel ma titlaq," itemm jgħidilna Owen.
Filmati: Andrew Borg Carbott
Muntaġġ: Chantanne Mackay
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment