
Ilbieraħ il-kantant Gianluca Bezzina żżewweġ lil Vanessa u jistqarr li din kienet l-isbaħ ġurnata ta' ħajtu.
"Din kienet l-isbaħ ġurnata ta' ħajti. Minn xħin qomt sa xħin irqadt għax iżżewwiġt lil tfajla li naf li hija perfetta għalija, hija l-iktar tfajla li nħobb fid-dinja u kollox kien perfett mill-bidu sal-aħħar," jgħidilna Gianluca.
Gianluca jirrakkontalna kif iltaqgħu seba' snin ilu. "Ma konniex nafu lil xulxin u seba' snin ilu kien hemm brother Ġiżwita li kien jaf li jiena nkanta u li anke Vanessa tkanta. Laqqagħna flimkien u staqsietna jekk nitħajrux inkantaw flimkien għal ġimgħa sħiħa fil-laqgħa li kienet qed issir għall-provinċjali tal-Ġiżwiti f'Malta. Aħna għedna għalxiex le u minn hemm iltqajna, sirna ħbieb u bqajna nitkellmu sakemm il-ħbiberija tagħna nibtet f'relazzjoni," jirrakkontalna Gianluca.
![]() |
Ritratt: Gianluca u Vanessa jiżżewġu (Joni Videography) |
Kif ipproponielha? "Konna ħa mmorru nimxu fomm ir-riħ u wara ġurnata baħar flimkien, inżilt għarkuptejja, ipproponejtilha u qaltli iva." Gianluca jistqarr li jinsab ħerqan għall-ħajja miżżewġa. "Aħna ngħinu lil xulxin fil-ħajja ta' kuljum, nikkomunikaw ħafna u minn dak lat ma naħsibx li ħa jinbidlu wisq l-affarijiet. Fl-istess ħin ninsabu ħerqanin li t-tnejn li aħna familja ġdida fejn se nieħdu d-deċiżjonijiet li se jkunu tagħna t-tnejn biss. Però l-familja tiegħi u tagħha se jkunu involuti ħafna u ninsabu ħerqanin għal din il-ħajja ġdid," jgħidilna Gianluca.
Filwaqt li se jqattgħu ġimagħtejn il-Kanada, bħalissa jinsabu Għawdex. "Minn wara t-tieġ bqajna sejrin mill-ewwel f'lukanda ġewwa Għawdex biex inqattgħu naqra ħin flimkien. Ma tantx domna waħedna għax illum telgħu l-familja tiegħi u l-familja tagħha. Seta' ma jonqosx li d-diskors waqa' fuq it-tieġ u fuq kemm kulħadd ħa gost," jgħidilna Gianluca.

Seta' ma jonqosx li Gianluca jkanta fit-tieġ tiegħu:
It-tim ta' Xarabank jawgura lil Gianluca u lil Vanessa ħajja miżżewġa feliċi.
Filmat: Romina Spiteri
No comments:
Post a Comment