
Miss World Malta, Michela Galea, tmur tagħti d-demm ta' spiss wara kanzunetta li kitibilha nannuwha.
Ftit sigħat ilu, Michela Galea waslet lura Malta wara ħames ġimgħat iċ-Ċina għall-Miss World, fejn rebħet il-Miss World Talent. Però mhux l-isbuħija u l-personalità biss jagħmlu lil Michela mudella għax il-ġest li tmur tagħti d-demm ta' spiss, jagħmilha mudell għall-umiltà tagħha.

"Immur nagħti d-demm ta' spiss għaliex in-nannu Edwin kien kitibli l-kanzunetta Xejn Aktar Prezzjuż, li titkellem fuq kemm hu importanti li tagħti d-demm. Minn din il-kanzunetta, bdejt nagħti d-demm ta' spiss għax nemmen f'kemm hu importanti li tgħin lil ħaddieħor li jkun fi bżonn. Ta' spiss nisimgħu dwar ħafna każijiet ta' persuni li jkollhom bżonn id-demm u jien, li naf li jien b'saħħti u nista' nagħti d-demm, immur għaliex forsi għada pitgħada naf niġi bżonn jiena."
Dan il-konkors iġib miegħu ħafna preparamenti. "Kelli nipprepara għal ħafna affarijiet fosthom għall-kanzunetti li kantajt għal Miss World Talent. Mort għal-lezzjonijiet ta' Pamela Bezzina, li għal dawn l-aħħar ħames snin ilha tikkowċjani fil-vuċi. Apparti li ppreparajt lili nnifsi bil-photoshoots, kelli nipprepara ruħi mentalment. F'dan ix-xahar ridt inkun indipendenti, inkun umli, b'personalità tajba u nkun naf immur mal-oħrajn, u dan is-sigriet ta' kollox," tispjegalna Michela,

Kif ħassejtek malli ħabbru li rbaħt Miss World Talent? "Kien proċess twil ħafna. L-ewwel kellna l-auditions u mbagħad bdew iħabbru l-ewwel 20, wara l-ewwel 15 u Malta bdiet tgħaddi ma' kull fażi. Meta tħabbar li Malta għamlitha għall-finali minn 120 kontestanta, kienet diġà kbira imma meta qalu li Malta ġiet l-ewwel, kienet xi ħaġa li qatt ma stennejt. Għadni sal-lum nistaqsi lili nnifsi, 'Imma veru rebħet Malta?' Inħossni kuntenta ħafna għax issemma isem pajjiżi u dan jagħmilni onorata," tistqarr Michela.

Itemm tgħidilna: "Nirringrazzja ħafna lil Sue Rossi u lil Claudia Calleja, id-diretturi ta' Miss World Malta ta' din l-opportunità. Kif ukoll lill-isponsors li għenuni f'din l-esperjenza u li se jkomplu jgħinuni sakemm is-sena d-dieħla nagħti l-kuruna lil Miss World Malta li jmiss. Finalment nirringrazzja lill-Maltin tas-sapport u tal-messaġġi li bagħtuli speċjalment wara li rbaħt Miss World Talent."

No comments:
Post a Comment