Monday, 6 November 2017
BIL-FILMAT: "Kienet qaltli li lanqas ir-raġel tagħha ma taha l-imħabba li tajtha jien" - Valerio
Dan Valerio. Jispikka għall-imħabba li għandu ġewwa fih. Valerio huwa wieħed mill-applikanti li ntgħażel għall-isfida li qed jagħmel Xarabank b'tal-linja. Valerio se jkun qed jagħmel ġimgħa mingħajr il-karozza personali tiegħu u se juża tal-linja biss, biċ-ċans li jirbaħ €3,000.
Għal-laqgħa li kellu ma' Peppi u Anita ġie b'ritratt tiegħu u tas-sieħba tiegħu Joyce. Joyce kienet ikbar minnu u bdew joħorġu flimkien u spiċċaw bi mħabba kbira bejniethom. Però dan ir-ritratt, Valerio ma ridniex li ntellgħuh fuq l-iscreen il-kbir. "Dak ir-ritratt għamlitu hi u ma ridtux jinfetaħ. Hu memorja tagħha. Kienet tfisser kollox għalija. Ħabbejtha tard imma ħabbejtha ta' veru. Kienu għaxar snin sbieħ. Kienu jgħidulna d-di u d-do għax dejjem flimkien," jgħidilna Valerio.
Meta kienet l-isptar kien hemm mument fejn Valerio spiċċa waħdu. "Mietet f'idejja. It-tfal tagħha kienu kollha d-dar tagħna u meta ġew lura mid-dar qaluli li riedet tmut f'idejja waħdi miegħi. Din għadni ngħożżha sal-lum. Kienet mara ta' vera għalija, minkejja li kienet 17-il sena ikbar minni. L-isbaħ sodisfazzjoni hu meta qaltli li lanqas ir-raġel tagħha ma taha, l-imħabba li tajtha jiena," jistqarr Valerio.
Joyce kien kunjomha Edith Hoare. "Meta konna mmorru l-visti kienu jgħajtulha Joyce Edith u ma jgħidux 'Hoare'. Jiena qatt ma kelli problema b'kunjomha iżda l-Maltin u l-Għawdxin kienu jħossuhom imbarazzati minħabba li l-kelma tfisser prostituzzjoni. Meta għalqet sena u nofs, għamiltilha quddiesa u lis-saċerdot għedtlu biex jgħidu kunjomha wkoll," jispjegalna Valerio.
Minħabba li kienet il-partner tiegħu, Valerio ma kienx jitqarben u din kienet tweġġa' ħafna lil Joyce. "Il-Papa Franġisku qal li dawn in-nies ma għandhomx ikunu iżolati la jkunu qegħdin fit-tajjeb u b'hekk ma jistgħux ikunu mċaħħdin mis-sagrament. Kont mort inkellem qassis f'Ta' Pinu u qalli biex immur nitqarben. Pero' Joyce ma setgħetx tifraħ għax hi kienet diġà l-isptar," jgħidilna Valerio.
Itemm jgħidilna li jitlobha biex tgħinu jkompli b'ħajtu.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment