best deal

Saturday, 4 November 2017

ESKLUSSIVA: Qatel persuna u jitkellem magħna mill-ħabs



Tkellimna ma' raġel li qiegħed il-ħabs għax kien qatel lill-ekspartner tiegħu.



Qabel kollox irridu nagħmluha ċara li aħna nikkundannaw bla ebda riservi u bla ebda ġustifikazzjoni, dan il-qtil oxxen.


Dan ir-raġel mill-ħabs qalilha hekk waqt telefonata: "Jiena neħħejt ħajja ta' bniedem fis-saħna tal-mument. Din kienet storja sentimentali u kulħadd jaf li l-imħabba taf twassalek għal ċertu affarijiet li lanqas qatt ma tobsor li int ħa tgħaddi minnhom. Dak kien id-destin tiegħi. Jiddispjaċini ħafna. Naf li forsi mhux ħa jemmnuni imma jiddispjaċini sal-mewt. Jien bniedem intelliġenti, m'iniex injornat u nifhem x'qed iħossu. Però dak li għaddejt minnu jien, qatt ma kien ippjanat. Nagħmel apoloġija pubblika minkejja li naf li mhux ħa tiġi aċċettata. Lilhom ma nagħtihomx tort imma xorta nagħmel apoloġija. Ngħidilhom li jiddispjaċini ħafna."


Dan ir-raġel qed jiskonta sentenza ta' 36 sena ħabs. Diġà għamel 7 snin u qalilna li jixtieq li fil-ħabs jipprovdulu taħriġ u jgħallmuh biex meta joħroġ mill-ħabs jagħmel xi ħaġa ta' ġid għas-soċjetà, u hekk għall-inqas il-ħabs ikun serva ta' xi ħaġa.


Jien tgħallimt indoqq id-drums. Ilhom iwegħduna li daqqa ġej tutor, daqqa ġej għalliem u daqqa ħa jġibu l-korsijiet hawn ġew. Applikajt għall-korsijiet barra, ma bagħtunix. M'hawnx għajnuna u qatt ma sibna. Jiena dik l-unika triq li għandi. Li forsi nista' nigwadanja xi liċenzja biex nagħmel xi ħaġa mużikalment f'dik l-età li ħa jkolli jekk noħorġ. 


Jiena nemmen li hi fid-dover tagħha l-awtorità u li hu d-dritt tiegħi li ningħata taħriġ meħtieġ għax inkella mhi faċilità korrettiva xejn. Jiena m'iniex qiegħed hawn biex niġġustifika l-każ. Nerġa' ngħid jiena ħaqqni. Però mhux aħjar is-soċjetà tieħu xi ħaġa minni? Mhux aħjar intejjeb il-ħiliet tiegħi biex jien inkun bniedem aħjar jekk xi darba noħroġ. Nixtieq nagħmel appell lill-Ministru. Fil-ħabs hemm nies tajbin, kemm gwardjani u kemm priġunieri. Jiena għandi xewqa li nixtieq, inpoġġi bilqiegħda, imqar għaxar minuti, kemm nitkellmu, iħoss il-polz tiegħi, jevalwa dak li ngħidlu, ħalli jinjornani wara, imam nemmen li mhux se jagħmel hekk għax naf kemm hu bniedem umli, naf li għandu biċċa xogħol mhux faċli, però nemmen li jista' jirranġa ħafna affarijiet," itemm jgħidilna r-raġel.


Fil-fatt ġejna infurmati li hemm 10 mużiċisti jipprattikaw il-mużika u dawn kitbu ittra lill-Awtoritajiet tal-ħabs jinfurmawhom b'dan kollu. U qalu li ma jistgħu jipprattikaw aktar għaliex il-gwardjani qed jiġu jwaqqafuhom u jgħajruhom għax qed jagħmlu l-istorbju.


Issa nisperaw li dan il-priġunier ma jkollux ipatti qares talli tkellem magħna. Kif nagħmlu dejjem, aħna se nibqgħu ninvestigaw biex naraw li dil-ħaġa ma tiġrix. 




Muntaġġ: Chantanne Mackay

No comments:

Post a Comment