Tiftakruh lil dak ir-raġel li akkużawh li abbuża minn bintu u weħel il-ħabs, avolja kien innoċenti? Emanuel Camilleri. Mijiet ta' nies iwaqqfuna fit-triq u jsemmulna lil Emanuel, anke llum, wara li għaddew is-snin minn meta kien deher għall-ewwel darba f'Xarabank.
Wara li għadda minn tbatija kbira, Emanuel Camilleri ħareġ illiberat minn kull akkuża. Ftit ġimgħat ilu nqatgħet l-aħħar kawża u l-Qorti ddeċidiet li isem Emanuel issa għandu jitneħħa minn fuq ir-reġistru tal-pedofeli, u l-akkuża li abbuża minn bintu għandha titħassar minn fuq il-kondotta.
B'hekk, Emanuel jista' jħalli warajh darba għal dejjem l-istorja kerha li għadda minnha. KWAŻI. Għaliex ftit jiem ilu sirna nafu żvilupp li rrabjana.
Isem Emanuel verament tneħħa minn fuq ir-reġistru tal-pedofeli, u din hija ħaġa tajba ħafna. Imma meta ġew għall-kondotta, flok ħassru kompletament il-gidba li kienet tgħid li abbuża sesswalment minn bintu, qabdu u qatgħuha b'salib.
Il-fatt li hi maqtugħha mill-kondotta jfisser li qisha mhix hemm u wieħed m'għandux jagħti kasha. Imma l-verità hi li GĦADHA hemm. Għadha tidher fuq il-kondotta. Il-kliem tagħha għadu jista' jinqara faċilment minn bejn il-linji rqaq tas-salib imħażżeż fuqha.
![]() |
Il-Fedina Penali ta' Emanuel Camilleri kif tidher bħalissa |
U aħna nemmnu li din hija inġusta, għaliex kull fejn Emanuel imur b'din il-kondotta se jkunu jistgħu jaqraw ċar li xi darba kien akkużat b'abbuż sesswali. Aħna nemmnu li din għandha titneħħa kompletament u l-kondotta tiegħu tkun nadifa, kif suppost. Dan ir-raġel bata biżżejjed, u m'għandux għalfejn jibqa' jġorr miegħu r-riħa tinten tal-gidba li qalgħu fuqu.
Emanuel Camilleri kien ġie akkużat li kellu relazzjoni sesswali ma' bintu, li dak iż-żmien kienet għadha żgħira ħafna. Fil-Qorti, it-tifla qalet li abbużaha, u dak iż-żmien il-Qorti emmnet il-verżjoni tagħha, u Emanuel kien spiċċa l-ħabs għalxejn. Minn dakinhar, f'Xarabank iġġilidna bla waqfien sakemm Emanuel inħeles u ġie ddikjarat innoċenti. U f'Xarabank stess kienet ġiet bintu, minn jeddha, tistqarr li kienet imġiegħlha tigdeb fuq missierha. Dakinhar kienet skużat ruħha miegħu u talbitu maħfra.
Hawnhekk tista' terġa' tara l-istorja ta' Emanuel Camilleri:
Ibqgħu kellmuna fuq il-każijiet li jkollna f'Xarabank, għax dak ifisser li temmnu fl-istejjer li ninvestigaw u jfisser li jimpurtakom min-nies li jistħoqqilhom li ssir ġustizzja magħhom. U ibqgħu tkellmu fuq Emanuel, għaliex miegħu għadha ma saritx ġustizzja sal-aħħar.
Biex tkun taf aktar tista' tisma' lil Peppi jispjegaha fil-progamm ta' nhar il-Ġimgħa li għadda:
Ritratt: Mario Mintoff Photocity Malta
No comments:
Post a Comment