best deal

Thursday, 9 November 2017

"It-tifel qed jiġi d-dar bl-istess ħarqa ta' filgħodu"



Aġġornata (15:19): Kelliem għall-Malta Union of Teachers jistqarr li hemm nuqqas ta' LSAs f'dan iċ-Ċentru li jattendi t-tifel.




"L-MUT ilha għaddejja minn Settembru tipprova tindirizza sitwazzjoni li nħolqot f'dan iċ-Ċentru meta d-Direttorati ddeċidew li jnaqqsu 7 LSAs minħabba li kienu se jonqsu 9 studenti. Għalkemm il-Union oġġezzjonat, għax dan it-tnaqqis ta' studenti ma kienx jiġġustifika t-tnaqqis ta' dak in-numru ta' LSAs, id-Direttorati ddeċidew u ttrasferixxew l-LSAs lejliet il-bidu tas-sena skolastika. Madankollu, lejliet is-sena skolastika wkoll, id-Direttorati biddlu d-deċiżjoni tagħhom u l-istudenti reġgħu intbagħtu lura l-iskola iżda ma ntbagħtux lura l-LSAs li kienu ġew trasferiti.

Dan wassal għal diffikultajiet kbar fiċ-Ċentru, kemm matul l-istess lezzjonijiet kif ukoll matul it-trasport. L-MUT baqgħet tinsisti mad-Direttorati sabiex jintbagħtu biżżejjed LSAs u kien biss ilbieraħ li ġie kkonfermat li se jintbagħtu żewġ LSAs oħra. Madankollu xorta jibqa' l-fatt li għad hemm nuqqas ta' LSAs f'dan iċ-Ċentru u li l-MUT taqbel li n-nuqqas ta' riżorsi umani, speċjalment f'ċentru ta' dan it-tip, hija moħrija li għandha tiġi indirizzata immedjatament."

AĠĠORNATA (13:54): Kelliema għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qaltilna li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. "Il-Ministeru huwa infurmat li s-servizzi huma lura għan-normal. Dan qed jiġi kkomunikat ma' dawk konċernati wkoll."


QABEL: 

Tifel b'diżabilità qed jitħalla bl-istess ħarqa li l-omm tkun għamlitlu filgħodu.

Omm ta' tifel li jmur fi skola ta' tfal b'diżabilità tispjega li lit-tifel mhux qed ibiddlulu l-ħarqa minħabba direttiva. "Dawn l-aħħar ġimgħat it-tifel kienu qed jibdlulu l-ħarqa darba biss. Però min-nhar it-Tnejn li għadda indunajt li t-tifel kien qed jiġi bl-istess ħarqa ta' filgħodu. Jiġifieri t-tifel qed jibqa' bil-ħmieġ il-ġurnata kollha," tgħidilna l-omm.

L-omm tmur tkellem lill-Kap tal-Iskola. "It-Tnejn li għadda mort inkellem lill-Kap tal-Iskola u qaltli li l-LSAs għandhom kollox biex ibidlulu l-ħarqa. Għedtilha li nispera li din ma terġax tiġri. L-għada t-tifel reġa' ġie l-istess." 


L-Erbgħa l-omm tmur l-iskola u titla' fil-klassi. "Dħalt fi-klassi u lill-LSA għedtilha, 'Nista' nkun naf għaliex m'intiex tbiddillu l-ħarqa lit-tifel.' Weġbitni li jrid ikun hemm tliet LSAs biex ibiddulu lit-tifel minħabba direttiva li nħarġitilhom. Qbadt lit-tifel minn ġos-siġġu tar-roti u biddiltlu jien. Dak il-ħin daħlet il-Kap tal-Iskola u qalet, 'Qed nara b'għajnejja bniedem wieħed ibiddel il-ħarqa u intom tnejn u għandkom il-hoist u l-mejda titla' u tinżel, u din l-omm ma użat xejn.'"


L-omm tirċievi din l-ittra miktuba mil-LSA:


"Hello, 


          Minħabba d-direttivi ordnati mill-MUT LSAs ma setgħux jiġu u jgħinu minn klassijiet oħra biex jibdlu l-ħrieqi ta' (isem it-tifel).




"Is-sena l-oħra l-istess, qatt ma niżluh fil-jakuzzi apposta għall-persuni b'diżabilità minħabba xi direttivi," tgħidilna l-omm. Tistqarr li filwaqt li l-awtoritajiet, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità, jafu b'din is-sitwazzjoni tixtieq tittieħed azzjoni minufih. "Nixtieq li jkun hemm iktar nies biex inaddfu lit-tifel u lit-tfal tal-iskola. Din mhux qed tiġri lit-tifel tiegħi biss imma anke lit-tifla ta' ħabibti. Ma għandhomx għalfejn joqgħodu jfittux l-ponta tas-sejf ma' dawn it-tfal. Sakemm ma jbiddlulux, ħa jkollna nitilgħu jiena jew ir-raġel inbidlulu," ittemm tgħidilna l-omm.

Xarabank bagħat il-mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-Malta Union of Teachers.

No comments:

Post a Comment