Saturday, 18 November 2017
Kif xtara d-droga Xarabank?
Bħalissa, f'Malta u fid-dinja qed tiġri d-droga sintetika. Din hija sustanza li ħafna drabi mhijiex illegali u tista' tidħol fil-pajjiż bla problemi, li ħafna żgħażagħ qed joħduha flok id-droga normali, u li l-effetti tagħha huma ħafna agħar minn tad-droga normali.
Daqs 4 ġimgħat ilu, f'Xarabank kellna lil Conray. Żagħżugħ Malti li qalilna li ħa din id-droga sintetika u kważi qatlitu. Araw x'kien qalilna:
Minn dakinhar aħna bdejna ninvestigaw. Staqsejna lil Conray, lil nies oħra li ħaduha, u kollha qalulna li l-akbar problema tagħha hi li hi irħisa ħafna u tista' tordnaha mid-dar.
U agħar minn hekk, din ma tiddaħħalx b'kuntrabandu, għax mhijiex illegali. Tordnaha mill-internet bħalma tordna ktieb jew libsa u tiġi mal-posta normali u l-ebda awtorità ma twaqqafha mkien. La l-pulizija, la d-dwana. Ħadd.
U Conray u n-nies l-oħra li ħaduha qalulna, "Jekk jogħġbok avżaw lill-ġenituri joqogħdu attenti għat-tfal tagħhom, għax m'hemmx għalfejn tkun qed tagħmilha ma' kumpanija ħażina biex tiġi f'idejk din id-droga."
U mbagħad bdejna nistaqsu lill-ġenituri: "It-tfal tiegħek jixtru minn fuq l-internet? Iva. Tkun taf x'qed jixtru? Mhux dejjem."
U meta bdejna ngħidulhom joqogħdu attenti għax minn fuq l-internet jistgħu jixtru d-droga wkoll, kważi kollha qalulna, "Uwejja ma jistax ikun. Ma tistax iddaħħal id-droga mingħajr ma jwaqqfuk il-Pulizija."
U allura ma kien fadlilna l-ebda għażla oħra ħlief li aħna stess, mill-uffiċċju ta' Xarabank, nippruvaw nordnaw din id-droga u naraw jekk iwaqqafniex xi ħadd.
Komplejna ninvestigaw sakemm sibna sit li tbigħ droga sintetika li hija kważi l-istess bħalma ħa Conray. Biex inkun onest ma konniex se nurukom kif għamilnieha għax rridux, bl-ebda mod, li dan ikun reklam biex iż-żgħażagħ jixtru d-droga mill-internet.
Imma ma stajniex ma nuruhilkomx. Ma stajniex ma nurukomx xi jkun hemm miktub fiha... kemm hu faċli li din id-droga tispiċċa d-dar tiegħek għand it-tifel tiegħek. U għalhekk, għattejna l-ismijiet kollha fuq il-website.
Dakinhar, eżatt kif ordnajnieha bdnejna ngħidu, "U le din mhux ħa tasal." Bdejna nirraġunaw bħall-ġenituri li konna kelliemna. Ġejja mill-Amerika, din impossibbli ma tieqaf imkien. Mill-Amerika s'hawn xi ħadd jiċċekkjaha jiftaħha, jiskenjaha... xi ħadd iċemplilna u jgħidilna, "Isma' hemmhekk x'ordnajtu?" Għax din droga hux.
U biex inkun onest kien hemm mument meta għedna... "U le mhux se tasal. U nsejnieha."
Din il-ġimgħa waslet.
Araw x'sibna:
Din qed nagħmluha biex nurukom li daqskemm kienet faċli għalina li ndaħħlu din id-droga Malta u ħadd ma jinduna, daqshekk ieħor huwa faċli li din id-droga tidħol id-dar tiegħek mingħajr ma tinduna. U tinsewx... l-awtoritajiet jafu li aħna ġurnalisti li ninvestigaw u xorta ma ndunawx. Jiġifieri aħseb u ara kemm hi faċli aktar għat-tifel jew it-tifla tiegħek.
U għalhekk qed nagħmlu appell lill-ġenituri kollha biex joqogħdu attenti, għax l-uniku mod kif inwaqqfu din id-droga kerha hija billi nikkonvinċu liż-żgħażagħ biex jieqfu jixtruha.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment