best deal

Thursday, 16 November 2017

"Naf gays Għawdxin li jgħixu ta' gays f'Malta imma joħorġu man-nisa f'Għawdex"

  

Eman Borg, il-President tal-LGBTI+ Gozo, jgħid li jaf b'żgħażagħ Għawdxin li huma kburin li huma gay imma jgħixu l-ħajja gay f'Malta biss.



Eman jispjega li qabel ma hareg li huwa persuna omosswali,  ma kienx hemm għaqda għal individwi li huma LGBTI f'Għawdex.

"Ta' 17-il sena ħriġt pubblikament li jiena gay, fil-post fejn trabbejt Ghawdex. Dak iż-żmien ma kienx hemm għaqda għal persuni LGBTI u qatt ma kien hemm l-idea li n-nies gay jeżistu ġewwa Għawdex. Meta ħriġt li jien gay ħassejt il-bżonn li niftaħ għaqda biex noħloq pjattaforma sigura għal żgħażagħ bħal, biex isibu dak li ma sibtx jiena." 

U fl-2015, fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija Eman jiftaħ din l-għaqda.


Eman jispjega s-sitwazzjoni ta' żgħażagħ gay f'Għawdex. "F'Għawdex naf b'żgħażagħ li huma kburin li huma gay imma jgħixu l-ħajja gay f'Malta biss. Dawn iż-żgħażagħ xħin imorru lura Għawdex fil-weekend biex jaraw lill-ġenituri tagħhom, jerġgħu jingħalqu fil-closet tagħhom. Meta ħriġt li jien gay ħassejt il-bżonn li jkun hemm iktar viżibbilta', li wieħed ma jħossux li huwa ġġudikat“M'hemmx għalfejn ngħid li jien gay għax mhijiex l-unika ħaġa li tidentifikani."

Jgħidilna li diversi individwi jitkellmu magħhom, mal-LGBTI+ Gozo, fosthom nies miżżewġin. "Jiġu għandna żgħażagħ li qed isibuha diffiċli li jiġu aċċettati min-nies oħra. Ħafna miż-żgħażagħ qed joħorġu gay eżattament qabel ma jitilgħu jgħixu Malta ħalli jekk il-ġenituri tagħhom ma jaċċettawhomx, jafu li jistgħu jmorru Malta. Issib ukoll sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri jgħidu lil uliedhom li huma gay biex joqogħdu d-dar ħalli ma jaqgħux fuq ilsien in-nies. Nafu b'żgħażagħ li magħna jgħidulna li huma gay imma ma joħorġuhiex pubblika.  Jgħidulek li kif qegħdin, qegħdin sew. Pero' mhux iż-żgħażagħ biss jiġu għandna, ġieli jkollna nies miżżewġin fejn ir-raġel jew il-mara tkun gay u anke individwi 'l fuq minn 50 sena li ma joħorġux li huma gay għax jibżgħu li jagħtu kedda lill-ġenituri," jispjegalna Eman.

Eman ma' Prof. Jeffrey Sachs

LGBTI+ qed taħdem bla waqfien biex l-omosesswalita' f'Għawdex ma tibqa' tabu'. "Bħala għaqda qed nagħmlu attivitajiet soċjali. Fil-fatt fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar inlaqqgħu żgħażagħ Għawxin gay. Din qed nipprovaw nagħmluha kull ġimgħa. Pero' l-għaqda taħdem ukoll mal-persuni individwalment. Li jinqala' każ ta' persuna li joħroġ li huwa gay kull ħmistax ifisser li x-xogħol tal-għaqda qed jidher u lin-nies qed iħossuhom iktar komdi," jistqarr Eman.


Il-ħidma ta' Eman tiġi rrikonoxxuta u jirbaħ il-Queen's Young Leader Award għal bidla li qed jagħmel fil-komunita'. "Raw il-potenzjal fl-LGBTI+ Gozo, li qed taħdem biex tagħmel bidla fil-komunita' Għawdxija dwar l-inklużività ta' persuni gay. Bil-Queen's Young Leader Award ingħatajt borża ta' studju ġewwa l-Universita' ta' Cambridge fuq leadership li qed tgħinni biex inkompli l-ħidma tiegħi."


Eman jirnexxielu jiltaqa' ma' diversi dinjitarji grazzi għal dan il-permju. "Hija esperjenza pjuttost surreali li ltqajt mar-Reġina, ma' Prinċep Charles u ma' Prinċep Harry f'temp ta' ftit xhur. Qatt ma immaġinajt li f'sentejn u nofs, minn ġol-kamra tiegħi ġewwa Għawdex wasalt biex nitkellem dwar l-esperjenza tiegħi. Hija ta' motivazzjoni għalija biex inkompli bix-xogħol tiegħi." Ix-xogħol tiegħu jiġi rikonoxxut minn Prof.Jeffrey Sachs, political adivsory tas-Segretarju tal-United Nations. "Kont sodisfatt meta ġie Prof. Jeffrey Sachs u qalli, 'L-istorja tiegħek qrajtha u tispirani,'. Dak il-ħin għedt mela dak li qed nagħmel, qed nagħmlu sew u x-xogħol tiegħi qed jiġi rikonoxxut.


Eman jgħaddi messaġġ għaż-żgħażagħ gay li ħarġu u dawk li għadhom ma ħarġux. "Take the leap of faith and the net will appear. Kunu kburin bikom infuskom," itemm jgħidilna Eman.


Nhar is-Sibt, 18 ta' Novembru l-LGBTI+ Gozo se torganizza Open Day f'Duke's Shopping Mall, Victoria.




Ritratt tal-faċċata: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment