best deal

Sunday, 26 November 2017

Sasha titkellem dwar il-make-up li tagħmel fuq il-mejtin


Sasha tagħmel il-make-up lil ħafna nies, però kważi ħadd ma jaf li Sasha tagħmel il-make-up fuq in-nies mejtin.



Sasha kkwalifikata f'dan ix-xogħol u tistqarr li tagħmlu biex iġġib id-dinjità ta' dik il-persuna li tkun għadha kif mietet. Il-make-up li tuża Sasha fuq il-mejtin huwa differenti mill-make-up li wieħed jagħmel fil-ħajja ta' kuljum. Però apparti l-make-up, Sasha tagħmel rikostruzzjoni fuq il-mejtin. "Ikolli każijiet fejn irrid nerġa' nibni dak li m'għadux hemm. U apparti minn hekk, il-ġisem ikun kiesaħ u għalhekk il-make-up li nagħmel fuqu ikun speċjali."

Ġieli kellha nies li mietu bil-kanċer, li waqgħu minn fuq xi għoli, li temmew ħajjithom u li jkunu għandhom kemm saritilhom awtopsja. "Ġieli kelli nnaddaf ix-xagħar ta' persuna anke mil-ħurrieq, niżbogħ ix-xagħar u nqaxxrilha il-leħja."

Minkejja li inti mnejn tistkerrah tagħmlu dan ix-xogħol, Sasha tgħid li f'dan ix-xogħol hi ma tibżax. "Lanqas xejn ma nibża'. Ma rridx ninstema' krudili imma huwa s-sodisfazzjoni tiegħi li nkun ġibtilha d-dinjità tagħha l-persuna. Jekk tkun persuna li dejjem tidher tajba, għaliex m'għandix għalfejn tidher tajba dakinhar ukoll?"





Għal Sasha l-iktar katavri li ssib diffiċli huma ta' dawk li jkunu involuti f'inċident. "Jekk persuna tkun waqgħet għoli ta' 25 sular u tieħu sabta kbira, ikolli bżonn ritratt ta' kif kienet. Kelli wkoll membru importanti li kelli bżonn naħdem bir-ritratti għaliex kien espost għan-nies."

Qatt għamlet lil xi ħadd qrib tagħha? "Iva kelli nagħmel lil John Mangion, li huwa l-isponsor tiegħi. Ħassejtha ħafna. Meta jidħlu persuni qrib tiegħek, is-sitwazzjoni tkun differenti. Kelli ħbieb u anke tfajla mill-kors tiegħi." Meta jkun hemm każ ta' inċident ta' persuna li għadha żagħżugħa u jkollha bżonn tagħmlilha l-make-up, Sasha wara tmur fejn it-tifel tagħha. "Nimpressjona ruħi għax ngħid li t-tifel tiegħi huwa wieħed minn dawn iż-żgħażagħ li jkun hemm barra. U għalhekk wara li nkun għamilt il-make-up fuq żagħżugħa li tkun għadha kemm mietet, immur fejn it-tifel biex niftaħlu għajnejh."

L-istat iqabbad lil Sasha tagħmel il-make-up fuq persuni li jkollhom funeral stati. Fost dawn in-nies, Sasha għamlet il-make-up ta' Dom Mintoff, ta' Ċensu Tabone u ta' Gwido de Marco, li għamlitlhom il-make-up diversi drabi. "Minħabba li jkunu esposti għan-nies fil-palazz, li jkun miftuħ minn kullimkien, kelli nagħmlilhom il-make-up diversi drabi għaliex huma filli kienu fil-kesħa u mbagħad ħarġu għas-sħana. Għalhekk ikolli nagħmel kemm hemm bżonn biex inġib il-persuna qisha rieqda għax inkella tibda tiddekomponi, tibda tiġi ilma u ssir iktar jekk persuna tkun ilha tieħu mediċina."

Sasha tixtieq li la tiġi nieqsa, jagħmlulha l-make-up. "Jekk immut, jien inkun irrid il-make-up. Diġà avżajt lit-tfajliet li ngħallem il-make-up u kollha jafu kif iridu jagħmluni u bid-dettalji. Ngħidilhom li jekk ma jagħmlunix, nidhrilhom żgur," itemm tgħidilna b'mod tbissima Sasha.

No comments:

Post a Comment