Friday, 29 December 2017
BIL-FILMAT: Dan il-presepju mibni KOLLU bil-ħaxix u l-frott
Dan il-presepju huwa magħmul KOLLU bil-ħaxix u l-frott. KOLLU jiġifieri KOLLU - l-art, il-ħitan, l-għerien, il-bini, il-pasturi...kollox!
U għalkemm timmaġina li presepju bħal dan jieħu ħafna ġimgħat biex tibnih, il-moħħ warajh kellu jlestih f'jumejn biss!
Franco Ciangura, li huwa wkoll il-moħħ wara l-fenomenu ta' Betlem f'Għajnsielem, ġietu f'moħħu li jibni dan il-presepju 20 sena ilu, fl-1997, ħafna snin qabel ma faqqsitlu f'moħħu l-idea ta' Betlem f'Għajnsielem. U għal dawk li qed isaqsu...le...il-presepju m'għadux jeżisti. Kif immaġinajtu li għadu tajjeb dak il-frott u l-ħaxix kollu wara 20 sena?!
Franco dam ġimgħat sħaħ jaħseb kif jista' jibni presepju ta' dan it-tip, u fl-aħħar, meta ħass li għandu idea ċara f'moħħu, ġab il-ħaxix u l-frott kollu fil-Ministeru ta' Għawdex u bnieh kollu f'jumejn, biex il-ħaxix u l-frott ma jilħaqx jitħassar.
U mhux hekk biss...imma l-presepju kellu jitqiegħed għall-wiri ġo friġġ kbira - cheese counter ta' supermarket twil żewġ metri u nofs!
Il-blat kien magħmul mill-qlub tal-qaqoċċ, in-ngħaġ mill-pastard, l-anġli mill-corn, il-fjammi tan-nar kienu magħmulin mill-filfel, id-djar imnaqqxin fil-qargħa ħamra, il-kpiepel tas-slaten maġi magħmulin mill-bżar aħmar u l-uċuh naqqaxhom il-ħabib tiegħu Paul fil-karrotti. U l-uċuh kellhom jibdluhom darbtejn!
B'kollox, Franco u Paul użaw 165KG ta' ħaxix u frott, u l-presepju kien maħdmum tajjeb biżżejjed biex iservi ħmistax-il ġurnata, imma dawn il-filmati imprezzabbli se jibqgħu għal dejjem:
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment