William,
ilbieraħ, weħed 3 snin ħabs wara 10 snin clean
mid-droga u 14-il sena jistenna s-sentenza.
Wara din
is-sentenza, Peppi Azzopardi jaħseb hekk: “Illum kien l-ewwel lejl li William
għadda l-ħabs. Infakkarkom li William dam 14-il sena jistenna ġustizzja. Diġà
inġustizzja fiha nfisha dik. Huwa persuna li mhux biss qata’ d-droga
kompletament għal 10 snin imma qata’ l-alkoħol u s-sigaretti għalkollox. Huwa
bniedem riformat. Kellu daqsxejn ta’ restorant u impjega lin-nies. U lbieraħ tfajnieh
il-ħabs.”
“Veru għal 3 snin.
U hawnhekk nixtieq insellem lill-Imħallef Antonio Mizzi illi kien jidher li qed
jifhem. Anke meta konna qed nixhdu, kien qed jifhem. Mhux is-sitwazzjoni ta’
William imma s-sitwazzjoni li għandna f’dan il-pajjiż f’din is-sitwazzjoni. U
nsellmu għax naf li ma seta’ jagħmel xejn iktar milli jagħmel. Però din il-liġi
trid tinbidel. Jien infaħħar ħafna l-kuraġġ li kellu Owen Bonnici illi biddel
il-liġi, meta kien għamilha ċara li ma jistax ikollna żgħażagħ jinqabdu u
jispiċċa l-ħabs. U dik kienet xi ħaġa kuraġġuża.”
“Issa jonqsu
l-kuraġġ li jmiss. Illi taqbad din il-liġi u tgħid ċar u tond illi nħallu f’idejn
l-Imħallef u jiddeċiedi hu jew hi jekk jibagħtux il-ħabs jew le. Mhux torbotlu
idejh jew idejha li jrid jitfgħu l-ħabs bilfors.
Dik hija l-liġi. Jiena nappella lill-Prim Ministru. Kont faħħart lill-Prim
Ministru meta tkellem u qal: “Jiena dawn l-affarijiet ma jħallunix norqod.”
Issa Prim Ministru, William mhux se jeħel il-ħabs imma weħel il-ħabs, u hemm
oħrajn bħalu."
"Jiena nappella lill-Prim Ministru u mhux lill-Prim Ministru biss
imma lill-Kap tal-Oppożizzjoni, lill-Membri Parlamentari li huma jagħmlu
l-liġi, biex mill-aktar fis ibiddlu din il-liġi ħalli n-nies li huma riformati
mhux nitfgħuhom il-ħabs. X’se joqgħod jagħmel il-ħabs tliet snin? Għalfejn?
Għaliex ma jagħmilx 3 snin hawn barra. Tafu kemm kien qed jgħin lil nies, William?
Tafu lbieraħ tela’ jixhed wieħed li għenu biex joħroġ mill-problema tad-droga?
Għaliex tfajnieh il-ħabs? Hija inġustizzja li rridu nibqgħu niġġildulha u hekk
se nagħmlu.”
No comments:
Post a Comment