best deal

Sunday, 31 December 2017

BIR-RITRATTI: Doris organizzat il-funeral tagħha stess, li sar tlett ijiem ilu


L-aħħar tislima lil Doris saret fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, viċin fejn indifnet. Doris kellha 96 sena, kienet għamja u ma kien għad fadlilha lil ħadd ħaj mill-familja u l-ħbieb tagħha.

Allura Doris kienet ħejjiet kollox biex isir il-funeral tagħha. Minn qabel.

Fil-knisja kien hemm nies li kienu jafuha, Peppi u Mandy mit-tim ta' Xarabank u persuni oħra li kienu jmorru jżuruha, anke jekk ma kinux jiġu minnha.

Wara l-funeral tkellimna ma' waħda min-nisa li kienet tmur taraha kull ġimgħa. Qaltilna kemm kienet eċitata li l-President ta' Malta kienet stednitha biex tiekol magħha fl-Ewwel tas-Sena.

Hekk kif il-President Marie-Louise Coleiro Preca semgħet li Doris qiegħda l-isptar, marret taraha ftit sigħat qabel ħallietna. Fil-funeral, il-President bagħtet bukkett fjuri għax ma setgħetx tmur minħabba impenji uffiċjali li ma setgħetx tħassar.



Persuna oħra li kienet tmur taraha u li bħala spiżjara kienet toħdilha ħsieb il-mediċina, qaltilna kemm Doris kienet mara brava ħafna b'mod akkademiku u kemm kienet iżżomm ruħha aġġornata maż-żmien.

Doris tibqa' mfakkra għall-kariżma li kellha meta dehret diversi drabi f'Xarabank kif ukoll meta kienet tattendi għal maratoni ta' ġbir fondi biex twieġeb it-telephone. Hija tibqa' mfakkra wkoll għaliex ħalliet id-dar personali tagħha biex issa ġiet trasformata f'dar li fiha qed tilqa' persuni fil-bżonn.

Kien għalhekk li l-President ta' Malta ddeskriviet lil Doris bħala "San Franġisk ta' żmienna."


L-aħħar darba li rajna lil Doris fuq it-televixin kien f'Xarabank li għamilna fil-ġimgħa tal-Milied. Doris ġiet tiltaqa' mal-President u wegħditna li se tkun magħna għall-Istrina. M'għandniex dubju li l-wegħda tagħha żammitha...minn post ħafna isbaħ!

Tista' tara l-filmat ta' dik il-parti hawn:

 

No comments:

Post a Comment