best deal

Sunday, 10 December 2017

Dan il-ġuvni se jkollu jieqaf jistudja u r-raġuni għalfejn se jagħmilha taqsamlek qalbek




Rey twieled u jgħix il-Filippini. Twieled f'faqar kbir, u l-post fejn twieled mhux il-post ideali biex tistudja u tieħu edukazzjoni tajba. L-ewwel prijorità għall-familji hemmhekk hija li jibdew jaħdmu kważi malli jibdew jimxu, ħalli jdawru r-rota u jsibu xi ħaġa x'jieklu kuljum.

S'issa, Rey irnexxielu jegħleb ħafna sfidi, għax qed jistudja u wasal Sixth Form. Imma issa se jkollu jieqaf, għaliex jixtieq imur l-Università u m'għandux flus biex imur. Għalhekk se jkollu jħalli l-iskola kollha u jerġa' jmur jaħdem.



Din l-istorja xxerjaha fuq Facebook tiegħu il-Muxu, li bħalissa qed jagħmel esperjenza fost in-nies ta' El Nido Palawan fil-Filippini. Il-Muxu ltaqa' ma' dan il-ġuvni Filippin ta' 18-il sena ftit ilu u saru ħbieb.

Il-Muxu jirrakkonta kif darba kien qed jiekol ma' Rey u żewġt iħbieb tiegħu u meta staqsihom x'se jagħmlu fil-futur, it-tnejn l-oħra qalulu li se jmorru l-Università, imma b'diqa f'qalbu u bid-dmugħ f'għajnejh Rey qallu li se jkollu jitlaq kollox u jmur jaħdem.

Il-Muxu kompla jistaqsih dwar ħajtu u sar jaf li Rey huwa l-iżgħar fost 8 aħwa fil-familja. Sar jaf li ommu u missieru sseparaw ftit snin ilu u li kien għalihom waqaf mill-iskola, iżżewweġ u mar jaħdem għall-familja.

Il-Muxu qalilna li minn dak il-ħin f'moħħu beda jberren kif se jgħin lil dan iż-żagħżugħ.

“Mill-ħarsa tiegħu u kif beda jitkellem, indunajt li huwa ġuvni intelliġenti li jħobb jgħin,” qalilna l-Muxu. "Nemmen li d-destin laqqagħni ma' dan iż-żagħżugħ biex ngħinu, u hekk se nagħmel."

“L-impatt li ħalla fuqi huwa tremend," qalilna. "Jien niftakar meta kont ta’ 18-il sena u niftakar x'ħolm li kelli. Bid-differenza li jien kelli s-sapport kollu u l-opportunitajiet ukoll. U Rey m'għandux.”

Muxu waħħalha f'moħħu li s-sapport u l-opportunitaijiet jagħtihomlu hu lil Rey u minn hemmhekk hu u sħabu fetħu dan il-fond biex ikunu jistgħu jiġbru donazzjonijiet biex iħallsu għall-edukazzjoni ta’ Rey għal kors ta' erba' snin fl-Università. S’issa diġà rnexxielhom jiġbru biex iħallsulu l-ewwel semestru. 

Il-Muxu jappella lil kulħadd biex jagħti donazzjoni. “Agħtu donazzjoni mqar ta’ ewro. Ewro mingħandek jista’ jfisser edukazzjoni u ħajja diċenti għal Rey.” 

No comments:

Post a Comment