Jismu Lawrence u għandu 66 sena, imma ma jidhirhomx u għadu ħafif daqs żagħżugħ ta' 25 sena! ...U sas-sena l-oħra kien għadu jdoqq il-kitarra bass ma' band!
Imma issa ddedika l-ħajja irtirata tiegħu biex kuljum jagħlef mal-160 qattus u qanfud.
Lawrence jonfoq mat-€80 kuljum f'ikel u affarijiet għall-qtates u l-qniefed u jitma'. Jieklu mingħandu 13-il kolonja differenti ta' qtates, u jikkalkula li b'kollox jonfoq mal-€2,400 fix-xahar biex jieħu ħsiebhom.
"Jien trabbejt mat-tfal Ingliżi, u dawk kellhom ħafna annimali. U kbirt inħobb l-annimali bħalhom," qalilna Lawrence meta tkellimna miegħu.
Lawrence huwa pensjonant u din l-ispiża mhux dejjem ikun jiflaħ għaliha. U meta ma jlaħħaqx mal-ispejjeż, jispiċċa jbiegħ mill-oġġetti tiegħu.
"Għandi kollezzjoni antika tal-kitarri qed inbiegħha bil-mod," qalilna. "Kienet għal qalbi ħafna, imma kultant ikolli nbiegħ xi kitarra minnhom biex inlaħħaq mal-ispiża."
Lawrence jitma' mhux biss qtates, imma anke qniefed. "Jieklu flimkien," jispjegalna, "imma l-qniefed jaslu qabel il-qtates u dejjem jirnexxilhom jisirqulhom xi ħaġa minn qabel!"
![]() |
Wieħed mill-qniefed li jiġu għall-ikel għand Lawrence |
Lawrence ilu ħajtu kollha jieħu ħsieb l-annimali. Fost ħafna affarijiet, beda l-Island Sanctury ma' żewġ kollegi tiegħu, imbagħad fetaħ l-ewwel santwarju tal-qtates f'Malta. Kien ukoll direttur tal-Animal Rescue Malta u salva mijiet ta' qtates u klieb milli jitraqqdu jew jinqatlu.
Jirrakkontlna li ġab anke diversi wheelchairs għall-klieb f'Malta.
"Darba kont qiegħed Manoel Island u rajt xi żgħażagħ deħlin ġo xelter fil-viċin," jirrakkonta Lawrence. "Qaluli li waqgħet kelba hemm isfel. Mort niġri nara, inżilt għaliha, u salvajtha."
Lawrence jirrakkonta li l-kelba kellha saqajha ta' wara mfarrkin u kellhom jagħmlulha operazzjoni biex ineħħuhomlha. Imma ġabilha wheelchair li damet bih 11-il sena, sakemm mietet.
"Damet għandi 11-il sena," irrakkontalna. "U kienet l-akbar bodyguard li qatt seta' jkolli, avolja ma kellhiex saqajn fuq wara."
![]() |
Il-kelba li salva Lawrence u li damet għandu 11-il sena |
L-imħabba li għandu Lawrence għall-annimali hija mħabba li ftit rajna bħalha kemm ilna nsegwu l-istejjer tan-nies!
*wiehed
ReplyDelete