best deal

Saturday, 30 December 2017

Il-Ħamrun se jerġgħu joħorġu lil San Gejtanu 3 darbiet il-ġimgħa d-dieħla


Din is-sena, għall-Ħamruniżi, il-bidu tas-sena mhux se jġib miegħu biss iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena, imma wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-500 sena minn meta l-Madonna dehret lil San Gejtanu.



Jingħad li d-dehra mistika seħħet fil-lejl tal-24 ta' Diċembru tal-1517, meta ġewwa l-Knisja ta' Santa Maria Maggiore f'Ruma, il-Familja Mqaddsa dehret lil San Gejtanu f'esperjenza mistika u stednitu biex jilqa' lil Ġesù bħala l-faraġ u l-konsolazzjoni. Dak iż-żmien, San Gejtanu kien għadu qassis sempliċi u umli, imma dik id-dehra kellha tkun il-bidu ta' tradizzjoni sħiħa li għal sekli sħaħ ġibdet eluf ta' devoti minn madwar id-dinja kollha.

Għalhekk, fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar il-Ħamrun se jkun hemm l-istess arja ta' ċelebrazzjoni u festa li jkun hemm is-soltu malli jibda joqrob Awwissu.

San Gejtanu offra ħajtu għal Alla u għal ħaddieħor bl-opri ta' karità li għamel mal-batuti, u dis-sena, fil-messaġġ tal-Milied li għamel, l-Arċisqof Charles Scicluna semma' wħud minn dawn l-opri, fosthom il-Banco di Napoli, li kien istituzzjoni li waqqaf San Gejtanu biex jgħin lin-nies ta' żmienu joħorġu mid-djun kbar li kienu daħlu fihom, peress li kien qed jinduna li kien hemm problema serja ta' faqar minħabba l-użura.

San Gejtanu kien ukoll il-bniedem li bena sptarijiet apposta għal dawk iż-żgħażagħ li kienu mitluqa għall-mewt minħabba li kienu nfettati minn mard inkurabbli li jiġi trasmess sesswalment.

Id-dehra li kellu f'lejlet il-Milied San Gejtanu esprimiha f'waħda mill-ittri tiegħu, li kiteb lil Suor Laura Mignani fit-28 ta' Jannar tal-1518, li fiha qalilha hekk: "Jien għamilt il-ħila u waqt li kienet qed twelled lill-Qaddis tal-Qaddisin, sibt ruħi tassew fl-għar imqaddes innifsu, u għall-kelma li qalli x-xwejjaħ, jien ħadt lit-tfajjel ħelu minn idejn il-Verġni mistħija."

Biex jiċċelebraw, il-Ħamruniżi se jkunu qed joħorġu l-vara ta' San Gejtanu fit-toroq tal-Ħamrun 3 darbiet. Fit-3 ta' Jannar il-vara se toħroġ f'purċissjoni lejn il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fejn se tkun esposta sal-5 ta' Jannar. Fil-5 ta' Jannar filgħaxija terġa' titlaq' f'purċissjoni oħra lura lejn il-Knisja Parrokkjali, u l-qofol se jintlaħaq il-Ħadd 7 ta' Jannar meta toħroġ il-purċissjoni filgħodu bis-sehem ta' kleriċi mill-ordni li kien jagħmel parti minnha San Gejtanu.

L-inkwatru titulari fil-Knisja ta' San Gejtanu, il-Ħamrun, xogħol l-artist Pietro Galiardi (1809-1890)

Kitba: Matthew Vassallo

No comments:

Post a Comment