Friday, 29 December 2017
Jekk se tkun Għawdex dal-weekend trid tara dawn it-3 presepji
Jista' jkun li qed ngħid hekk għax jiena Għawdxi u għandi naqra ta' soft spot għall-Għawdxin. Imma m'hemmx x'tagħmel...kulħadd biased fuq xi ħaġa!
Jekk se tkun Għawdex matul dan il-weekend tal-Ewwel tas-Sena, hemm 3 presepji li ma tistax taqbiżhom inti u ddur fit-toroq ħelwin tal-gżira-oħt ta' Malta. U ma tistax taqbiżhom għaliex kollha saru b'għan nobbli!
1. IL-PRESEPJU BIL-PERSONAĠĠI GĦAWDXIN...U LI DIS-SENA ŻIDULU LIL DUN ĠORĠ GRIMA
Erba' snin ilu, iż-żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika La Stella bdew jibnu dak li semmewh: Il-Presepju Għawdxi b'Differenza, u dan għaliex fih hemm mhux biss il-personaġġi tradizzjonali li aħna mdorrijin naraw fil-presepji, imma fih ukoll pasturi ta' personaġġi tipiċi Għawdxin. Hemm l-Isqfijiet Maltin, il-Papa Franġisku, l-artist innifsu, u din is-sena żiedu wkoll lil Dun Ġorġ Grima - il-qassis maħbub Għawdxi li qatta' ħajtu jaħdem fil-missjoni fil-Kenja, l-Etjopja u l-Brażil. U wkoll, din is-sena żiedu lil Domenic Grech - il-kantant magħruf tal-band The Tramps u l-moħħ wara l-kanzunetti Xemx u Għawdex inti Djamant.
Anke x-xenografija tal-presepju tkun ispirata mill-pajsaġġ Għawdxi. Din is-sena, il-presepju bnewh bil-pajsaġġ ta' Marsalforn. Il-presepju qed jiġi esebit fil-binja ta' Radju Leħen il-Belt Victoria, fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat.
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-presepju u biex tkun taf il-ħinijiet tal-ftuħ, agħfas hawn.
2. IL-PRESEPJU LI JDUM JINBENA SITT XHUR U LI S'ISSA MARRU JARAWH NIES MILL-ARĠENTINA, URUGUAY, LATVIA u CHILE
Dan il-presepju qiegħed ġo garaxx man-naħa tal-lemin tal-Knisja ta' Għajnsielem u beda jinbena sitt xhur ilu. Herman Mifsud, li bena dan il-presepju b'ħafna għajnuna mingħand sħabu Noel, Gilles, u Paul, beda jibni l-presepji meta kellu biss 5 snin. Imma din is-sena ddeċieda li d-donazzjonijiet kollha li jirċievi mingħand in-nies li jmorru jaraw il-presepju se jagħtihom lil Puttinu, għaliex din is-sena hu u l-familja tiegħu ġew bżonn l-għajnuna ta' Puttinu u jixtieq li b'dan il-mod jgħinhom lura.
"Għandna tifla li diġà kellha titla' darba l-Ingilterra, u se titla' għal operazzjoni oħra dalwaqt, u allaħares ma kinux ta' Puttinu li għenuna ngħaddu minn din il-burraxka," qalli Herman. "U għalhekk nixtieq li ngħinhom."
Il-presepju jidher li ġibed ukoll l-attenzjoni ta' ħafna nies li ġew jaraw minn barra minn Malta, fosthom mill-Aġentina, l-Urugwaj, il-Ċile, il-Latvja u l-Italja.
Il-presepju twil 24 pied u wiesa' 12-il pied u qiegħed fil-Pjazza ta' Għajnsielem. Jekk qed tħares lejn il-Knisja trid timxi fuq in-naħa tal-lemin mal-Knisja. Se jkun miftuħ mis-2:30pm sat-8:pm fil-jiem li ġejjin.
Qabel ma tmur tista' tara ftit filmati tal-presepju hawn:
3. IL-PRESEPJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-QALA
Fil-Qala, mhux biss qed jagħmlu l-presepji, imma qed jgħallmu lit-tfal jagħmluhom ukoll, u f'din il-wirja tista' tara x-xogħol ta' nies professjonali u x-xogħol ta' tfal li għadhom jibdew jibnu.
Il-wirja se tku miftuħa wkoll nhar il-Ħadd u nhar it-Tnejn, fl-Ewwel tas-Sena, u se tibqa' miftuħa sal-Ħadd 7 ta' Jannar u tista' ssibha fis-sala taċ-ċentru parrokkjali tal-Qala.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment