best deal

Wednesday, 27 December 2017

Jinġabru €6,048,732 għall-Istrina - l-akbar somma li qatt inġabret


Għadha kemm spiċċat l-Istrina, u s-somma li nġabret din s-sena kienet somma ikbar minn kull somma oħra li qatt inġabret fl-istorja tal-Istrina - aktar minn €6,048,732. Dan kollu grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin, li għal sena oħra wieġbu għas-sejħa tal-Malta Community Chest Fund u mlew fond kbir li minnu, il-President se tkun tista' tqassam lil dawk li matul is-sena l-aktar ikollhom bżonn l-għajnuna.




"Tagħtux bl-intenzjoni li tista' tmiss lilkom," saħaq Peppi Azzopardi diversi drabi waqt l-Istrina. "Imma ċċelebraw li intom b'saħħitkom, u wżaw is-saħħa li għandkom biex tgħinu lil min m'għandux saħħa."

Il-motto tal-Istrina din is-sena kien #jienalistrina, u l-preżentaturi tal-Istrina saħqu li ntagħżel dan il-motto għaliex kull persuna li tat id-donazzjoni tagħha kienet l-Istrina, għaliex l-Istrina tista' teżisti biss bis-saħħa tad-donazzjonijiet ta' kull wieħed u waħda minna.

Fl-Istrina din is-sena spikka ħafna Katriel, li huwa stess huwa marid u għandu kundizzjoni rari ħafna, imma seraq qalb il-Maltin u l-Għawdxin kollha meta fuq it-television qal li aħjar li l-kundizzjoni ġiet fuqu, għaliex hu b'saħħtu biżżejjed biex jiġġildilha. Fil-fatt, fil-bidu nett tal-maratona, il-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof kollha ħadu spunt mill-kliem ta' Katriel biex huma wkoll iħeġġu lin-nies jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Katriel qal ukoll li jrid is-saħħa biex jgħin kemm jista' jkun nies, u hekk għamel illum fl-Istrina, għaliex kien hawn magħna mill-bidu sal-aħħar!

L-Istrina bdiet f'nofsinhar u spiċċat ftit wara nofsillejl u saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kulleġġ ta' San Benedittu, Ħal Kirkop. Il-flus li nġabru se jitqassmu matul is-sena lil dawk il-familji li jkollhom bżonn jitilgħu għall-kura barra minn Malta minħabba mard u kundizzjonijiet serji ħafna.

Grazzi kbira lil kulħadd!

No comments:

Post a Comment