Saturday, 30 December 2017
KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DANUSAN: Qed tiġri bħalissa
Id-Danusan għadhom kif bdew trasmissjoni ta' Konferenza tal-Aħbarijiet LIVE wara li lbieraħ ħarġet l-aħbar li din il-koppja komika se jisfaxxaw u jinfirdu għal dejjem.
Il-Konferenza tal-Aħbarijiet qed tixxandar live fuq Facebook, qed titmexxa minn PJ Vassallo Mintoff, u hemm preżenti għaliha kemm Daniel u kemm Sander. Jidher li hemm ukoll xi ġurnalisti preżenti li mistennijin jgħaddu d-domandi tagħhom.
Tista' tara l-Konferenza tal-Aħbarijiet LIVE hawn:
Il-kaos qam ilbieraħ (il-Ġimgħa) waranofsinhar, wara li fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank tellajna video blog ta' Peppi Azzopardi jispjega li d-Danusan mhux se jkunu aktar f'Xarabank għaliex se jinfirdu.
"Din hija xi ħaġa li lili tinkwetani mhux biss għaliex Danusan huma koppja li jagħmlu satira tajba ħafna f'Malta, imma anke għaliex f'Xarabank ta' spiss ikunu protagonisti bħala Josh u Sean," qal Peppi Azzopardi fil-video. "U jiena ngħid...issa x'se nagħmlu mingħajr Danusan?" kompla b'diqa u b'vuċi miksura.
Jidher li d-diżgwit bejn il-koppja beda fil-Milied, meta Sander ta lil Daniel rigal li tawh meta mar jilgħab f'Ħadd Għalik. Jidher li Daniel ħa għalih bl-ikrah għal dan l-aġir ta' Sander, u sostna li hija tal-mistħija li s-sieħeb tiegħu lanqas biss poġġa ftit ħsieb fir-rigal li kien se jagħtih.
U għalhekk, it-tnejn li huma huma mistennija li jiġġieldu ras imb'ras f'xow speċjali li se jsir fl-aħħar weekend ta' Frar, fit-Teatru Sir Temi Zammit, l-Università. Ix-xow se jkun jismu DAN VS SAN.
Preżenti għall-Konferenza tal-Aħbarijiet jidher li hemm ukoll XI ġurnalisti li qed jistaqsu l-mistoqsijiet.
Mill-informazzjoni li rnexxielu jiġbor dan is-sit, jidher li fix-xow, il-palk se jiġi trasformat f'boxing ring u l-udjenza se tkun tista' tara l-"ġlieda" live 360 degrees. Dan billi n-nies fl-udjenza se jkunu jistgħu jagħżlu li jpoġġu fejn jixtiequ, skont jekk hux qed jissapportjaw lil Daniel jew lil Sander.
Dan is-sit tkellem ukoll ma' sorsi qrib ix-xow, li kkonfermawlu li preżenti se jkun hemm ukoll terapista li se jipprova jagħmilha ta' medjatur bit-tama li jissolva l-kunflitt bejn dawn iż-żewġ komiċi Maltin.
Għal aktar informazzjoni tista' tidħol fuq danusan.com
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment