Wednesday, 13 December 2017
"Lil William ma kontx nibagħtu xejn il-ħabs" - Rosianne Cutajar
Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar tgħid li ma kinitx tibagħtu l-ħabs imma tħossha kuntenta bis-sentenza mogħtija.
It-Tnejn li għadda, William li għamel 14-il sena jistenna u 10 snin clean mid-droga, weħel 3 snin ħabs.
Aħna tkellimna ma' Rosianne Cutajar li tgħid li ma kinitx tibagħtu l-ħabs. "Li kieku kien għalija, għax naf proprju lil William u naf kemm inbidel, bħala persuna, għall-aħjar, ma kont nibagħtu xejn il-ħabs. Però nħossni kuntenta u sodisfatta għaliex William kien qed jissogra minimu ta' 7 snin ħabs. Allura s-sentenza kienet ġusta u sensibbli. Naf li William huwa kuntent għax kien irrisenjat li ħa jeħel 7 snin ħabs."
Sena u nofs oħra jistgħu japplikaw għal parole. "Konxja li l-liġi ma tippermettix illi bniedem ma jmur il-ħabs. Għalhekk kien propju li jien appellajt li jkun hemm riformi u pieni alternattivi għall-priġunerija. Din kienet l-ewwel darba li l-Qorti ta' fuq, jiġifieri l-Ġuri, tat pieni tal-Qorti t'isfel. Jiġifieri kien proprju għalhekk biss li William ingħata sentenza ta' 3 snin. Terġa' mhumiex 3 snin imma huma ħafna inqas. Bħalma diġà għamilt kuntatt mal-familja ta' William, wara sena u nofs inkunu nistgħu napplikaw għal parole. Jien m'għandix dubju li ħa nsibu kooperazzjoni mhux biss tal-Ministru Owen Bonnici imma wkoll tal-President ta' Malta."
Rosianne Cutajar tgħaddi messaġġ lil William. "Il-messaġġ tiegħi huwa biex William jagħmel kuraġġ. Naf kemm huwa persuna b'saħħtu u jiena ċerta li bħalma kien ta' ispirazzjoni għal ħafna nies minn barra l-ħabs, se jkun ta' ispirazzjoni minn hemm ġew għal żgħażagħ u adulti li jinsabu l-ħabs fuq każijiet differenti, u għalina wkoll. L-appell tiegħi jmur wkoll għal dawk li għaddejjin minn sitwazzjoni ta' droga u ngħidilhom biex jirrikorru għall-għajnuna. Id-droga hija problema kbira wisq biex jaffaċċjawha waħedhom."
Ittemm tgħid: "Minkejja li s-sentenza ta' William kienet waħda sensibbli, se nibqa' naħdem bħala Membru Parlament biex isiru r-riformi neċessarji u jkun hemm pieni alternattivi għall-priġunerija."
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment