best deal

Friday, 22 December 2017

Missier Jerome għadu kemm għamel tattoo ta' ibnu fuq sidru


Kenneth Frendo, li jiġi missier Jerome, għadu kif għamel tattoo ta' wiċċ ibnu fuq sidru din il-ġimgħa. Jerome huwa ż-żagħżugħ li nħakem mill-marda qerrieda tal-kanċer tliet darbiet wara xulxin u li ħalliena fis-6 ta' Ottubru li għadda.

Aħna tkellimna ma' Kenneth, missier Jerome u ma' Thomaz, li huwa t-tattoo artist li għamilhielu.



"Billi għamilt it-tattoo mhux se nġib lit-tifel lura," qalilna Kenneth. "Imma waħda mill-aħħar affarijiet li qalli qabel miet kienet biex nibqgħu niftakruh bit-tbissima li nafuh biha. U għamilt din it-tattoo bħala parti mill-commitment biex inżomm lil Jerome dejjem miegħi, fuqi, bħalma dejjem kien fuqi meta kien marid."

Kenneth mhuwiex bniedem tat-tattoos. Fil-fatt qatt ma kien għamel tattoo f'ħajtu. Din l-ewwel waħda u qalilna li mhux beħsiebu jagħmel oħra, u meta għamilha weġġa' ħafna.

"Jien mhux tattoo għamilt propja, imma portrait," qalilna Kenneth. "U rrid li meta mmut nindifen bl-istampa tat-tifel fuq sidri. Ridt li jkun miegħi b'mod permanenti."


Kenneth mar għand Thomaz nhar t-Tnejn li għadda, wara li laqqgħethom flimkien ħabiba komuni tagħhom. Thomaz kien sema' b'Jerome u l-familja tiegħu, imma qatt ma kien iltaqa' magħhom.

"Impressjonajt ruħi meta Kenneth ġie biex jagħmel it-tattoo għandi," qalilna Thomaz. Qattajna ġurnata flimkien u l-enerġija pożittiva li għandu bellhitni. Wara li telaq iddispjaċieni li qatt ma kelli ċ-ċans li niltaqa' ma' Jerome innifsu."

Thomaz qalilna li s-soltu, meta jkollu każijiet bħal dawn, jidħol ippreparat biex jisma' ħafna emozzjonijiet negattivi li l-klijenti tiegħu jispiċċaw jisfugaw miegħu. Imma bil-pożittività tiegħu, Kenneth kien qisu klijent normali u miegħu seta' jitkellem fuq l-affarijiet kollha sbieħ tal-ħajja.

"Fl-ebda ħin ma ġagħlni nitħassru," qalilna Thomaz. "U malli mort id-dar, l-unika ħaġa li rnexxieli ngħid lill-mara kienet: 'Madonna kemm hu b'saħħtu dak ir-raġel!'"

B'kollox, it-tpinġija ħadet 10 sigħat sakemm lestewha, u Kenneth qalilna li fadallu jpinġi quote ta' Jerome maġenbha, imma tant weġġa', li ma kellux saħħa jlestiha f'darba.

No comments:

Post a Comment