Antoinette Galea hija mara li tgħix waħedha, u sat-8 ta' Ottubru li għadda kellha magħha lil Fluffy - kelba tat-tip Yorkshire Terrier. Imma issa ntilfitilha u għadha ma tistax issibha.
Antoinette tirrakonta kif ħarġet lil Fluffy għall-mixja bħalma kienet tagħmel kuljum. Dakinhar, il-kelba rnexxielha tinħall miċ-ċinga u telqet tiġri.
"Litteralment sparixxiet. Ma rajthiex aktar b'għajnejja," qaltilna Antoinette b'qalb maqsuma.
Minn dakinhar, Antoinette qattgħet ġranet u ljieli sħaħ tfittex lil Fluffy, għax hija l-unika kumpanija li kellha f'did-dinja.
"Ġieli ħriġt infittixha fit-tlieta ta' filgħodu," qaltilna. "U kull filgħaxija, meta nasal lura d-dar, niftaħ il-bieb u ngħajtilha għax nibda nittama li forsi jkun sabha xi ħadd qalbu tajba u ħallihieli fil-parapett. Imma s'issa dejjem għajjatt għalxejn, għax ngħajtilha u ma tiġix."
Antoinette għamlet rapporti mal-Pulizija, l-Animal Welfare u l-SPCA, imma ħadd ma rnexxielu jsibha s'issa.
"Issa qed naqta' qalbi, għaliex issa għadda ż-żmien," qaltilna Antoinette.
Fluffy kienet lha għand Antoinette għal dawn l-aħħar 6 snin. Jekk issib din il-kelba jew taraha xi mkien u għandek xi informazzjoni, tista' ċċemplilna l-uffiċċju ta' Xarabank, jew tibgħatilna email jew tibgħatilna messaġġ fuq Facebook.
No comments:
Post a Comment