Saturday, 30 December 2017
Qed tissuġġerixxi li l-Gvern jissusidja l-kumpaniji tat-taxis għall-Ewwel tas-Sena
M'hemmx dubju li f'dawn il-ġranet tal-Ewwel tas-Sena se jkun hemm eluf ta' Maltin li se joħorġu jiddevertu bil-karozzi tagħhom u se jixorbu ħafna alkoħol. U m'hemmx dubju wkoll li dan se jwassal għal ħafna riskji ta' inċidenti.
Minkejja li fil-ġranet ta' festi li għaddew kellna sitwazzjoni fortunata ħafna li fiha ma kellniex inċidenti fatali tat-traffiku, il-lejl tal-Ewwel tas-Sena huwa magħruf li jġib miegħu inċidenti koroh. U fid-dawl ta' dan, kellmitna żagħżugħa Maltija li tinsab imħassba u għandha xi suġġerimenti.
Diandra hija gradwata fl-Ekonomija u meta kellmitna qaltilna li minkejja li kulħadd huwa konxju mill-periklu li wieħed jixrob u jsuq, m'hawnx biżżejjed inizjattivi biex in-nies ma jużawx il-karozzi privati tagħhom wara l-parties tal-Ewwel tas-Sena.
"Hemm diversi problemi bis-sistema," qaltilna. "L-ewwel nett, m'għandniex biżżejjed kumpaniji tat-taxis u xufiera biex iwasslu n-nies id-dar. Agħar minn hekk, il-kumpaniji li għandna ġieli jiċċarġjaw mal-20% aktar fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena."
Targumenta li n-nies ma jarawhiex worth it li jonfqu xi €20 ewro biex imorru d-dar wara lejl jiddevertu, u din mhix qed tħajjarhom ma jużawx il-karozza tagħhom wara li jixorbu.
"Imbagħad, biex tgħaxxaqha, dawk li fl-aħħar jiddeċiedu li jċemplu taxi, jgħidulhom li qegħdin fully-booked u ma jistgħux iwassluhom," kompliet tgħidilna.
Għalhekk, Diandra qed tissuġġerixxi li l-Gvern għandu jissussidja lil dawn il-kumpaniji biex il-prezz biex tmur id-dar ikun ħafna irħas u jħajrek aktar.
"Forsi tkun idea tajba wkoll li dawk in-nies li ma jħobbux joħorġu jiddevertu fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena, joffru li jwasslu huma lin-nies id-dar, u jingħataw kumpens talli jagħmlu dan," qaltilna. "Forsi għandu jkollhom badge li tindika li qed jagħmlu dan ix-xogħol u b'hekk ikun hawn ħafna aktar xufiera f'sikkithom iduru fit-toroq."
Diandra ssuġġeriet ukoll li forsi għandha tinfetaħ paġna fuq Facebook li fiha jkunu jistgħu jirreġistraw ruħhom dawk in-nies li lesti li jagħtu dan is-servizz.
Aħna qed nippubblikaw dawn is-suġġerimenti ta' Diandra għax nemmnu li għandha argumenti validi ħafna u dak li qed tgħid jagħmel sens. Inti x'taħseb? Kieku toffri li tagħti dan is-servizz? Ikkummenta hawn taħt!
Ritratt tal-faċċata: thebubble.com
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment