best deal

Sunday, 10 December 2017

Tkellimt mar-Rappreżentant Malti fil-Palestina fuq il-kontroversja li ħoloq Trump


Żgur li ħafna Maltin s'issa semgħu li dil-ġimgħa, il-President Amerikan Donald Trump qal  xi ħaġa fuq Iżrael u Ġerusalemm, u din il-ħaġa urtat ħafna nies fil-Lvant Nofsani. Forsi mhux kulħadd irnexxielu jifhem eżatt x'inhi l-kontroversja li rnexxielu jidħol fiha Trump did-darba, u min ma fehmx ma ttihx tort, għaliex il-kunflitt fil-Lvant Nofsani huwa storja twila u kkumplikata li ilha għaddejja għexieren ta' snin.
Aħna wkoll qed nippruvaw nifhmu x'inhu jiġri, u ħsibt li l-aħjar persuna li nistaqsi huwa r-Rappreżentant ta' Malta fil-Palestina - Reuben Gauci - li bħalissa jinsab fil-post fejn qamu l-protesti u d-dimostrazzjonijiet fl-aħħar jiem.


"Hawnhekk, it-tensjoni ma tmut qatt. Qatt m'aħna kwieti u n-nies li jgħixu hawn, inkluż jiena, drajna ngħixu fiha," spjegali s-Sur Gauci. "Imbagħad, kultant u tant, it-tensjoni teskala u jibdew il-protesti u d-dimostrazzjonijiet, bħalma ġara dil-ġimgħa," kompla jgħidli.


L-art ta' Iżrael u l-Palestina hija ċ-ċentru ta' ħafna kunflitt għaliex hija ċ-ċentru tal-akbar tliet reliġjonijiet fid-dinja - Il-Ġudaiżmu, l-Iżlam u l-Kristjaneżmu. Għal sekli sħaħ, fuq din l-art għexu eluf ta' Musulmani, Lhud u Kristjani u biċ-ċaqliq tagħhom minn post għall-ieħor ta' spiss jinqala' l-inkwiet. Imma l-kunflitt proprju mhuwiex fuq reliġjon, imma fuq art. B'mod sempliċi nistgħu ngħidu li l-Iżraeljani u l-Palestinjani għadhom ma qablux bejniethom fuq ta' min hi l-art li jgħixu fuqha.

Dan il-kunflitt ilu għaddej sekli sħaħ, u matul is-snin, kemm l-Imperu Brittaniku u kemm in-Nazzjonijiet Uniti ppruvaw jaqtgħu linja biex jiddeċiedu liema hi l-art tal-Iżraeljani u liema hi l-art tal-Palestinjani.
"Ftit tal-ħin qabel ċempiltli għadu kif kien hawn dimostrazzjoni ftit ’il bogħod minni," spjegali s-Sur Gauci waqt li kien qed ikellimni fuq il-linja. "Hawnhekk, il-Palestinjani joħorġu fit-toroq jipprotestaw  u bosta drabi jispiċċaw f'kunflitt mal-qawwiet Iżraeljani. Imbagħad jibda l-gass tad-dmugħ, u l-qiegħa tkompli tisħon."


Fil-post fejn jgħix Rueben Gauci, in-nies Palestinjani jipprotestaw bil-qawwa kontra l-kliem ta' Donald Trump

Għal ħafna snin, il-Lhud madwar l-Ewropa kollha għaddew minn inġustizzji u turmenti kbar, u allura bdew jemmnu li l-unika mod kif isalvaw lilhom infushom huwa billi l-fidi tagħhom issir Nazzjon. Għalhekk bdew jemigraw lejn din l-art bit-tama li dal-pajjiż jagħmluh tagħhom u jkunu jistgħu jmexxu lilhom infushom. Dan mhux bilfors għoġob lill-Palestinjani kollha tal-post, u wara ħafna ġlied, l-art inqasmet bejn l-Iżrael u l-Palestina. Imma dawn il-popli xorta ma sabux stabilità, għaliex kull ma jmur, il-Palestinjani qed iħossu li l-art tagħhom qed tittiekel dejjem aktar minn Iżrael.
L-Istati Uniti tal-Amerka u l-Iżrael minn dejjem kienu alleati, u hawn jidħol il-President tal-Amerka. Il-President Donald Trump urta lill-Palestinjani għaliex irrikonoxxa lil Ġersualemm bħala l-Kapitali ta' Iżrael fil-jiem li għaddew. Issa Ġerusalemm hija belt kontroversjali fil-Lvant Nofsani għaliex fuqha hemm il-postijiet qaddisa għat-tliet reliġjonijiet monotejistiċi u sadanittant  ż-żewġ popli (ta Iżrael u tal-Palestina) għadhom ma waslux għal ftehim bejniethom dwar kif se jaqsmuha.

"Il-Palestinjani urtati għaliex Trump għadu kemm irrikonoxxa  lil Ġerusalemm bħala l-Belt Kapitali ta' Iżrael, u dan meta l-kwistjoni ta' kif se tinqasam Ġersualemm bejn l-Iżrael u l-Palestina għadha ma ġietx deċiża. Minħabba fhekk, il-fatt li Trump irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-Kapitali tal-Istat ta Iżrael, qed jidher bħallikieku Ġerusalemm tappartejni għal Iżrael biss," spjegali r-Rappreżentant ta' Malta fil-Palestina.

Dan huwa d-diskors li fih il-President Amerikan Donald Trump irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-Kapitali ta' Iżrael nhar l-Erbgħa li għadda:


Donald Trump qal li din id-deċiżjoni ħadha għaliex jemmen li hija l-mod effettiv li se jwassal għal paċi fil-Lvant Nofsani. Imma s-Sur Gauci spjegali kif f'għajnejn ħafna nazzjonijiet madwar id-dinja, il-kliem ta' Donald Trump kien mgħaġġel u mhux meqjus.

"Il-paċi tiġi bin-negozjati, u allura bil-paċenzja," qalli s-Sur Gauci. "Ma tistax tieħu deċiżjoni bħal dik mingħajr ma tikkonsulta u ma tinnegozja ma' ħadd."
Fi Stqarrija għall-iStampa li ħareġ,  il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ta Malta, qal li Malta jiddispjaċiha li saret din id-dikjarazzjoni unilaterali mill-President tal-Istati Uniti fuq Ġerusalemm – dikjarazzjoni li ma jaqbilx magħha. Il-Ministeru qal li huwa  mħasseb serjament fuq ir-riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm, u enfasizza li x’se jkun istatus ta Ġerusalemm fil-ġejjieni għandu jiġi deċiż permezz ta negozjati sinifikattivi bejn l-Iżraelani u l-Palestinjani.

Sadanittant, il-Kristjani fuq din l-art qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jiċċelebraw Milied hieni fuq l-art fejn seħħ l-ewwel Milied. Din is-sena, f'Betlem, ftit ’il bogħod mill-post eżatt fejn jingħad li twieled Ġesù, se jiġi armat il-presepju kbir Għawdxi li s-sena l-oħra nħadem għall-Pjazza tal-Vatikan. 

Ritratti: Los Angeles Times, CNN, Haaretz.

No comments:

Post a Comment