Friday, 22 December 2017
Xi ħadd tilef notebook, ritratt u xi noti tal-mużika, u l-istorja warajha se tmisslek qalbek
Xi ġranet ilu kien hemm tfajla li fuq Facebook ippostjat ritratt ta' djarju żgħir iswed, ritratt antik ta' mara, u karta b'xi noti tal-mużika. Qalet li sabithom barra l-Knisja tan-Naxxar ftit qabel siefret u qalet li jekk xi ħadd kien jaf ta' min huma, ikellimha, għaliex fi kliemha, jidher li kienu oġġetti sentimentali ħafna.
Il-misteru wara dik il-post fuq Facebook inkixef ftit ġranet ilu.
Ir-ritratt kien maħdum u l-appell kien ivvintat. Mhux veru li kien hemm xi ħadd tilef dawk l-oġġetti.
Din kienet inizjattiva tad-direttur tal-films żagħżugħ Steven Levi Vella u ta' Sound Salon. Qisha saret komuni li meta jasal dan iż-żmien ngħidu kemm hu żmien sabiħ. Daħlet f'ħalqna. Imma mhux għal kulħadd. U dawn it-tnejn ingħaqdu flimkien ma' ħafna artisti u atturi oħra biex iwasslu proprju dan il-messaġġ.
Wara dik il-post, nhar it-Tlieta li għadda ħarġu music video emozzjonanti għall-aħħar li jirrakkonta l-istorja ta' xwejjaħ li fi żmien il-Milied jinsab waħdu. Il-messaġġ imwaħħal mal-video huwa: No one deserves to be alone, especially in Christmas. Make someone feel special this Christmas.
Biex tkun taf fuq xiex qed nitkellmu, ara l-video hawn taħt, u jekk int sensittiv, żomm tissue ħdejk.
Nhar is-Sibt li ġej, 23 ta' Diċembru, Sound Salon qed jorganizzaw party differenti ħafna mis-soltu, għaliex fih se jdoqqu mhux biss DJs, imma wkoll orkestra sħiħa ta' 42 mużiċist. Il-party se jsir l-Aria Complex, San Ġwann.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment