Dan huwa l-ewwel grupp wara l-mewt ta' Dun Ġorġ li se jkompli l-ħidma tiegħu fl-Etjopja.
Aħna tkellimna ma' George Sultana, li jumejn oħra flimken ma' 15-il persuna oħra se jitla' għall-missjoni. "Ftit qabel ma ħalliena, jiena u Dun Ġorġ ippjanajna li mmoru l-Etjopja għall-missjoni. Jiena kont wegħidtu li sakemm nibqa' b'saħħti u ħaj, nibqa' ngħaqqad il-gruppi biex il-Moviment jibqa' għaddej. Minħabba li jiena naħdem ma' kumpanija tal-bini u tal-kostruzzjoni, għaqqadt grupp ta' 16. 7 minna se jitilgħu jibnu kċina f'raħal ġo foresta, u l-kumplament, bil-flus li ġbarna, se nipprovdu l-ikel u ndewwu lin-nies u lit-tfal ta' dawk l-irħula."

"Kienet kiefra li tlifnieh lil Dun Ġorġ. Kien kollox. Dun Ġorġ kien jaħdem 24 siegħa kuljum għall-missjoni. Kien ifisser ħafna għalina, imma kien ifisser ħafna għal dawk il-villaġġi u l-ibliet li kien jieħu ħsieb hu fil-Kenja, l-Etjopja u l-Brażil. Niftakar li l-ewwel darba li mort rajt faqar kbir. Imbagħad bdejt nara knisja, sptar jew skola sabiħa, u bdew jgħiduli li dawn bniehom Dun Ġorġ."
"Aħna se nkunu l-ewwel grupp wara l-mewt ta' Dun Ġorġ li se nkomplu bil-ħidma tiegħu. Aħna nemmnu li Dun Ġorġ se jkun ferħan li nuru li l-Moviment għadu ħaj permezz tagħna," itemm jgħidilna George.
Il Bambin maghkhom u bla dubju Dun Gorg wkoll
ReplyDelete