
AĠĠORNATA:
Alfred Grixti, is-CEO tal-Fondazzjoni jgħid li mhux veru ma hemmx qbil fuq it-talbiet jew li min-naħa tal-"Gvern" mhux qed isir xejn.
"Nibda biex ngħid li aħna bħala management irridu li l-impjegati kollha tagħna mhux biss ikollhom kundizzjonijiet adegwati imma li jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet possibbli. Irridu li l-pagi u l-kundizzjonijiet jirriflettu r-responsabbiltà u x-xogħol delikat li jagħmlu l-ħaddiema tagħna kollha, speċjalment il-professjonisti li jaħdmu ma’ nies vulnerabbli."
"Dan għax bħala l-aġenzija nazzjonali għall-ħarsien soċjali, u li tagħmel parti mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, aħna nirċievu l-finanzjament kollu tagħna mill-Gvern."
"Mhux veru li ma hemmx qbil fuq it-talbiet jew li min-naħa tal-“Gvern” mhu qed isir xejn. Anzi wara li qbilna fuq il-prinċipji u l-linji ġenerali, ħdimna sal-anqas dettall kemm dak li konna qed naqblu dwaru se jiġi jiswa’ lit-tax-payers Maltin u ressaqna dawn it-talbiet ikkostjati lill-Ministeru għall-Finanzi."
"Nista’ nikkonferma li qegħdin, sal-lum stess, f’kuntatt kontinwu mal-Ministeru għall-Finanzi dwar dawn it-talbiet. Wieħed irid japprezza li l-Ministeru għall-Finanzi jrid jifli bir-reqqa u fid-dettal it-talbiet kollha ta’ kull ftehim kollettiv, u bħalissa hemm xi erbgħa quddiemhom, għax fl-aħħar minn l-aħħar il-Ministeru għall-Finanzi ma jistax jagħti minn dak li ma għandux u dak li jagħti jrid ikun finanzjarjament sostennibbli fuq it-terminu tal-ftehim, fil-kas tagħna fuq medda ta’ ħames snin."
"Nixtieq ngħid ukoll li hemm komunikazzjoni miftuħa mal-UĦM – Voice of the Workers u li aħna qed naġġornaw lil din il-union b’ kull żvilupp li jkun hemm."
"Is-social workers, il-fiżoterapisti, il-psikologi, il-councilors, il-family therapists, il-ħaddiema amministrativi tal-Foundation for Social Welfare għandhom ikollhom kundizzjonijiet u pagi adegwati għalihom."
Bħalissa dawn il-ħaddiema għaddejjin b'azzjoni industrijali. U aħna tkellimna mal-union li qed taqbeż għad-drittijiet tagħhom, l-Union Ħaddiem Magħqudin - Voice of the Workers. "Il-ftehim kollettiv tal-Foundation for Social Welfare ngħalaq fil-31 ta' Diċembru 2016. Aħna bħala union konna bgħattna l-proposti tagħna biex nibdew niddiskutu. Bdejna n-negozjati u komplejna, imma bħalissa ninsabu daqsxejn weqfin għax qegħdin nistennew konferma fuq l-aħħar affarijiet li tlabna dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet ta' xogħol," tgħidilna Isabelle Farrugia, kelliema għall-UĦM.
Minħabba li għadu ma ntlaħaqx ftehim, il-ġimgħa l-oħra l-ħaddiema bdew azzjoni industrijali. "Fit-8 ta' Jannar bdiet azzjoni industrijali biex ma jirrispondux it-telefowns, l-imejls, ittri u messaġġi, u ma jagħmlux laqgħa multi-dixxiplinarji sakemm jintlaħaq tip ta' ftehim."
Jekk ma jkunx hemm żviluppi, l-Union se teskala d-direttivi. "Illum ktibt lill-ħaddiema li l-Union se teskala d-direttiva min-nhar it-Tlieta 23 ta' Jannar. Fosthom li ma jkun hemm l-ebda attendenza, partiċipazzjoni u intervent fi skejjel, fil-post tax-xogħol jew fil-komunità."
"Aħna interessati fil-well-being tal-ħaddiema. Dawn in-nies għax-xogħol li qed jagħmlu f'servizz sensittiv u vulnerabbli, għandhom ikollhom kundizzjonijiet u pagi adegwati għalihom," ittemm tgħidilna Isabelle.
Xarabank bagħat lill-Foundation for Social Welfare għal reazzjoni.
No comments:
Post a Comment