best deal

Wednesday, 24 January 2018

BIL-FILMAT: Annabelle tagħlaq 7 snin li ħallietna



Annabelle Vassallo, il-persuna li tibqa' tissemma għall-fidi tagħha quddiem it-tbatija tal-marda li kienet qed tiġġieled, illum tagħlaq 7 snin li ħallietna,


Tkellimna ma' Mandy Micallef Grimaud u Olwyn Jo Saliba, żewġ persuni li kienu qrib ħafna ta' Annabelle matul il-marda tagħha.

Olwyn u Mandy iltaqgħu ma' Annabelle permezz ta' Xarabank. "Jiena kont imsiefra fuq xogħol u bagħtuli messaġġ li se jintervistaw persuna, ħa jagħmlu feature magħha u kif ħa niġi lura ħa nsib script biex neditjah. Fi triqti lura lejn Malta, reġgħu bagħtuli u qaluli li minflok ħa jagħmlu programm. Dak il-ħin għedt, 'Kif ħa nagħmlu programm ma' persuna li ma jafha ħadd?' Ma kontx naf min hi imma kont naf li hi persuna marida bil-kanċer. Rajt l-intervista xorta waħda u kont bkejt ħafna jiena u nismagħha. Imbagħad minn hemm iltqajt magħha u sirna ħbieb," tgħidilna Olwyn.



Mandy tiddeskrivi lil Annabelle bħala persuna ferreħija. "L-ewwel darba li ltqajt ma' Anabelle kien meta mort nieħu xi cutaways tagħha għall-programm. Konna morna Ħad-Dingli wkoll nieħdu xi filmati. Il-ħin kollu kienet tidħak u kienet persuna spiritwali ħafna. Ma kinitx tidher marida," tistqarr Mandy. Ma' dan Olwyn iżżid tgħid, "Avolja kienet ħa tmut, Annabelle kellha l-ħajja fiha. Kont nistaqsi lili nnifsi kif temmen daqshekk u taf li ħa tmut. Imma tant kienet temmen li kienet issejjaħlu l-għarus tagħha."



Mandy kienet hemm siegħa qabel ma mietet. "L-aħħar darba li rajtha kien l-isptar Boffa. Xi siegħa qabel ma mietet. Waqt li qed nikteb bħalissa qed jaqbadni l-biki. Kienet tidher li waslet fl-aħħar. Meta dħalt ġol-kamra tagħha bdiet tkanta 'Ejjew Ejjew ja Anġli'. Niftakar li kienet għarfitni għax għajtitli. Sitwazzjoni kerha ħafna. Tal-biki."

U Olwyn akkumpanjata waqt l-aħħar nifsijiet. "Fl-aħħar jiem kienet ħażin ħafna. Kont hemm kuljum u fl-aħħar mumenti, hi u tieħu l-aħħar nifsijiet, żammejtilha idha. Ħassejt vojt kbir dak il-ħin. Xtaqt li kont nafha ħafna qabel biex inqatta' iktar żmien magħha."

"Annabelle hi mara ta' ispirazzjoni kbira għalija u għal ħafna nies oħra. Iġri nerġgħu niltaqgħu flimkien ħalli nagħmlu festa ta' kant, daħk u żfin," tgħidilna Mandy. Olwyn ittemm tgħidilna, "Illum nixtieq qiegħda hawn, tgħannaqni."

No comments:

Post a Comment