Thursday, 18 January 2018
BIL-FILMAT: Dan hu l-Bob Marley ta' Għawdex
Isejħulu l-Bob Marley ta' Malta jew aħjar ta' Għawdex. M'hemmx dubju għalfejn isibu hekk.
Ma' Marley jista' jkun li ġieli ltqajtu fil-pjazza tat-Tokk, ir-Rabat Għawdex. Imma ma' Marley konna ltqajna miegħu 7 snin id-dar tiegħu fix-Xewkija. Dar li Marley isejħilha razzett.
Marley jismu John Spiteri. Jgħidilna li jgħix waħdu imma fil-verità jgħix ma' ħafna annimali li jżomm fir-razzett u fl-għelieqi.
John ta' 8 snin kellu jiddaħħal ġo orfanatorfju ġewwa Għawdex għax il-ġenituri tiegħu ma setgħux jieħdu ħsiebu. Meta għalaq 18, għamel kuntatt ma' missieru fl-Ingilterra. "Kif ħriġt mill-istitu, l-ewwel ħarġa tiegħi minn hemm kienet lejn l-Ingilterra."
Lura Għawdex. Il-Marley jidħol għal Mr Malta u jiġi t-tieni. John isir ukoll plejer tal-futbol u b'gowl tiegħu fl-aħħar minuti, it-tim ta' Xewkija Għawdex jirbaħ il-Kampjonat Għawdxi. "Kellu jinqala' cross u kelli nkun jien li nidħol b'veloċità, nagħti daqqa ta' ras perfettament ġol-kantuniera tal-lasta, u bil-ferħ, bdejt nara n-nies jaqbżu għal ġol-grawnd."
Imma dan il-ferħ għal John malajr jispiċċa. "Mhux dejjem iġġibha kif trid inti l-ħajja. Is-siwazzjonijiet dejjem jinbiddlu. Illum tkun minn fuq u għada tista' tkun minn taħt. U hemmhekk trid toqgħod attent għax il-bniedem jintilef f'mumenti hekk u jiddispjaċih."
John jispiċċa bla xogħol u bla flus. Għal żmien twil jispiċċa ddisprat u jmur jisraq. "Tant tiġi dahrek mal-ħajt illi tibda toħlom. U f'daqqa waħda ħlomt li nagħmel hold-up u l-azzjoni ġiet bil-kontra. Flok ħadt il-flus, spiċċat 17-il xahar il-ħabs. Minn hemm bdejt nitgħallem."
Il-mument ta' ferħ jerġa' jiksbu. "L-aktar ħaġa li fraħt meta ħriġt mill-ħabs. Meta l-imħallef qalli: 'Inti tista' tmur taqbad il-vapur t'Għawdex u dak il-ħin tirt bil-ferħ."
Il-libertà għal Marley tfisser kollox. U qatt ma reġa' ssogra li jitlifha. Illum tgħallem japprezza l-iktar affarijiet sempliċi. "Għix il-ħajja. Għix il-ġurnata. Ħares lejn is-sema kemm hu sabiħ. Ħares lejn il-baħar sabiħ li għandek kollu ħut, kollu ġmiel. Ħares lejn it-tjur, lejn il-bhejjem," itemm jgħidilna Marley.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment