Wara 8 xhur tistennieh u tibgħatlu kemm għad fadal ġranet biex tarah, il-Muxu jagħmilha sorpriża u jiġi Malta ġimagħtejn qabel.
Il-ħabib tiegħu għamel l-istess ħaġa qablu, u din għenitu biex jagħmilha hu wkoll. "Bħala familja minn dejjem konna nsiefru. Meta kont żgħir kelli din l-imħabba għad-dinja u kont naf li ridt nara ħafna postijiet, speċjalment l-Ażja. Kont staqsejt lili nnifsi, 'Imma kif ħa nagħmilhom kollha dawn f'ħajti?'
"Imbagħad rajt lil ħabib tiegħi, li kien għamilha f'sena, u għedt li din hija idea sabiħa li tagħmel sena minn ħajtek iddur id-dinja mingħajr regolamenti, appuntamenti u xogħol. Ġejt f'pożizzjoni f'ħajti fejn għedt li din issa nista' nagħmilha. Ma kinitx faċli minħabba x-xogħol, il-ħbieb u l-familja, speċjalment li trid tinqata' għal dak iż-żmien kollu."

Il-Muxu wasal Malta t-Tlieta li għadda. Ġimagħtejn qabel ma kien ippjanata li jiġi Malta. U jagħti sorpriża lil ommu li kienet qed tgħodd il-ġranet biex dawn il-'ġimagħtejn' jgħaddu u terġa' tarah wara dawn ix-xhur kollha. "Ommi dejjem kellha countdown bil-ġranet ta' kemm għad baqa' biex niġi lura Malta. Kienet toqgħod tibgħatli l-messaġġi u tgħidli, 'Matt, 31 days left' pereżempju. U xtaqt nagħtiha sorpriżi lil ommi għax naf li kienet qed tistennieni. Ma għedtilhiex li se niġi ġimagħtejn qabel u għamilt sorpriża lilha, lil nannha u lin-neputi."
"Xħin rawni kellhom reazzjoni tal-ġenn. Bdew jgħajtu u jifirħu tant li ommi kienet kważi qed tibki xħin ratni quddiem għajnejha għax lanqas setgħet temmen li kont wasalt ma kienet taf," temm jgħidilna l-Muxu.
No comments:
Post a Comment