best deal

Friday, 5 January 2018

BIL-FILMAT: "L-għalliema kienet tgħidli li m'iniex kapaċi" - George


George llum qed jistudja l-Universita'.


Meta kien l-iskola, George kellu għalliema li kienet tgħidlu li mhu kapaċi għalxejn. "Kien hemm għalliema li kienet tgħidli li mhu kapaċi għalxejn. Biex ngħidu kollox, kont imqareb ħafna u dak iż-żmien kienu jorbtuni mas-siġġu. Din affettwatni f'ħajti u l-leħen tal-għalliema bqajt nisimgħu. Bqajt nisma' dak li kienet tgħidli. Li m'iniex kapaċi, biex ma mmurx hemmhekk u li m'għandix għalfejn nidħol għax m'iniex se nasal."

"Jiena kont immur l-auditions li kienu jagħmlu l-iskola biex nippreżenta l-ġurnata tal-premijiet u l-kunċerti tal-Milied li kienu jsiru. L-għalliema malli kienet tara wiċċi, lanqas kont nilħaq nibda li ma kinitx tgħidli, 'M'intiex tajjeb. Inti mqareb u m'inti tajjeb għalxejn. Mur lura fil-klassi."

Pero' dan il-leħen għenu wkoll f'ħajtu. "Għenni għax kull darba li nkun se nagħmel pass, niġġieled ma' dak il-leħen. Jekk inkun sejjer xi mkien, xi interview, nibda nisma' dan il-leħen. Inkun waħdi fil-karozza nibda ngħid. 'Aqtagħha. Tindaħalx. Agħlaqlu. Ħallini ħa nagħmel li rrid. Allura jekk ma nasalx?'"

Minkejja dak li għadda minnu, George dan l-aħħar daħal l-Universita'. "Qed naħdem f'dar fejn fiha nilqgħu nies li huma bla saqaf fuq rashom u qaluli li rrid nagħmel kors l-Universita'. Għedtilhom li l-Universita' mmur darba fis-sena biex nagħmel pantomina u ndaħħak in-nies. Għedtilhom li jekk ħa mmur għal dan il-kors, tgħidx kemm se ndaħħak nies. Jiena skola ma nafx. Naqra u nikteb ftit naf, kemm niddobba. Pero' tax-xogħol qaluli li rrid nagħmlu." U George applika biex jidħol l-Universita'.

George daħal l-Universita' iżda kien jaqta' qalbu malli jasal hemmhekk. "Nasal l-Universita', nipparkja u ngħid lili nnifsi, 'U le. Erġa' dawwar,' u nitlaq. Lil tax-xogħol kont inċempillhom kważi nibki u ngħidilhom li ma rridx immur. Kienu jgħiduli li jekk ma mmurx, ħa nitlef ix-xogħol. Kienu jgħiduli hekk biex żgur nagħmel dan il-pass." 

George ġġieled ma' dak il-leħen, u llum qed jistudja l-Universita' u qed jagħmel l-assenjamenti wkoll. "Intlabna nagħmlu assenjament. Ma kontx naf x'inhu assenjament u bgħatt lil ħbieb tiegħi biex nara xi jkun. Kont ma' ħabiba tiegħi u qaltli li f'assenjament, jagħtuk suġġett u tikteb dwaru." George għamel dan l-assenjment u ġab marka tajba. "Ħa nagħmlu f'inkwatru għax ifisser ħafna għalija. Ġibt 70 minn 90. Biex wasalt għamilt dan l-assenjament jiena, jasal biex jagħmlu kulħadd," itemm jgħid George.

No comments:

Post a Comment