Tuesday, 16 January 2018
BIL-FILMAT: Żewġ preżentaturi Maltin metri 'l bogħod minn fejn mietet il-kantanta ta' The Cranberries
Il-preżentaturi Ryan u Josmar kienu fl-istess lukanda li fiha nstabet mejta l-kantanta ta' The Cranberries, Dolores O’Riordan.
Ryan u Josmar jgħidulna li qabel ilbieraħ, ma kinux jafu li fl-istess lukanda kienet qed toqgħod il-kantanta. "Aħna ma kellniex idea li fl-istess lukanda kienet qed toqgħod Dolores O'Riordan. Fil-fatt qalulna li kienet iżżomm 'il bogħod mill-attenzjoni tal-pubbliku u lanqas membri tas-sigurtà ma kien ikun hemm magħha."
Il-kantanta tmut fil-ħin li s-soltu jkunu fil-lukanda. "Is-soltu nqassmu l-ġurnata, immorru ninħaslu u nerġgħu noħorġu filgħaxija. Però minħabba li lbieraħ kienet l-aħħar ġurnata, iddeċidejna li nibqgħu barra. Xħin lestejna u se nidħlu fil-lukanda, isfel kien hemm ħafna nies mhux ħażin u indunajna li ġara xi ħaġa."
"Meta smajna lil waħda tgħid: 'I can't believe she died.' Għedna: 'Illaħwa, dan miet xi ħadd hawn.' Għednielha, 'Did something happend?' U bdiet tgħidilna li l-kantanta ta' The Cranberries sabuha mejta. Dak il-ħin bqajna mbellha u qabditna rogħda kbira."
Fil-lukanda nħasset tensjoni kbira. "Xħin wasalna kienet diġà kkalmat l-atmosfera imma xorta inħasset ċertu tensjoni. Kien hemm ħafna nies fil-lobby u kulħadd ried isir jaf x'ġara u jsaqsi," temmew jgħidulna Josmar u Ryan.
Dolores O'Riordan mietet ilbieraħ filgħaxija fl-età ta' 46 f'lukanda ġewwa Park Lane. Is-sena li għaddiet il-grupp The Cranberries kien ħabbar li se jagħmel tour madwar l-Ewropa imma f'Mejju li għadda kien ikkanċella l-pjanijiet minħabba s-saħħa tal-kantanta.
The Cranberries huwa magħruf għal kanzunetti Zombie, Linger u Dreams.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment