best deal

Wednesday, 24 January 2018

ESKLUSSIVA: "Għamilt 4 xhur norqod sagħtejn biss kuljum" - Duane Laus


Duane Laus kien l-artist diġitali li ħa ħsieb projection ta' 20 minuta fuq il-faċċata ta' Kastilja nhar is-Sibt li għadda, waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018.

Is-Sibt li għadda kien hemm il-ftuħ ta' Valletta 2018. Dak il-ħin u fil-ġranet ta' wara, ħafna tkellmu fuq kif baqgħu impressjonati bil-projections 'Mill-Qiegħ tal-Imgħoddi għall-Quċċata tal-Ġejjieni' - l-ispettaklu li seħħ f'waħda mill-Erba' Pjazez.

Aħna ħadna l-okkażjoni u tkellimna ma' Duane Laus, l-artist li għamel dan ix-xogħol. "Flimkien ma' Mario Philip Azzopardi, u Paul u Ryan Abela, ħadt ħsieb li nagħmel animazzjoni artistika li wriet biċċiet mill-istorja ta' Malta, mill-passat għall-futur."

X'xogħol kien hemm? "Bix-xogħol li kelli nagħmel, għamilt erba' xhur norqod sagħtejn biss kuljum. Kien xogħol li jieħu ħafna ħin. Ħin taħseb fuq l-ideat, biex nikkrea dawn l-ideat fuq il-kompjuter, ħin biex nikkordina dan kollu ma' Paul u Ryan Abela li għamlu l-mużika, ħin mal-atturi, ħin għall-kostumi u ħin għall-filming. Kienet iebsa għax il-qies tal-kompjuter mhuwiex il-qies ta' Kastilja!"

"Fuq din il-biċċa xogħol ħadmu diversi persuni. B'kollox kien hemm xi 40 persuna involuti; fosthom atturi, mudelli, kittieba, nies li jifhmu fl-istorja u kostumisti. Kien hemm Jens Klein, li jgħix l-Amerika, u flimkien mat-tim tiegħu ħadmu fuq uħud mill-animazzjoni li dehru, kif ukoll Joseph Bugeja li pinġa l-karikaturi. U ovvjament sibt għajnuna kbira mit-tim professjonali li kellhom f'idejhom il-Valletta 18."



Xi pressure kellu? "Meta kelli l-ewwel laqgħa, ħassejt li hija ħaġa kbira. Kelli pressjoni kbira għax huma afdawni bl-iktar binja importanti f'Malta u x-xogħol ried ikun ta' livell għoli." U x'ħass meta waslet il-ġurnata tas-Sibt? "Kelli emozzjonijiet differenti. Bejn issa fl-aħħar ħa nibda ngħix normali mal-familja u bejn għax kif jgħidu, issa li hemm hemm!"

X'ġara fil-jumejn ta' qabel? "Jumejn qabel ippruvajnieha imma kellna ħafna ostakli minħabba li fost oħrajn it-twieqi ta' Kastilja kienu miftuħin. Fil-fatt il-kuluri ma bdewx joħorġu kif suppost u allura dak il-lejl stess bdejt nirranġa shot by shot il-kulur u nimmaġina kif jistgħu jidhru aħjar. Il-Ġimgħa mbagħad raha kulħadd. Hemhekk tkun taf li issa żgur ma tista' tbiddel xejn. Ħassejt emozzjoni kbira għax qisni matul ix-xhur li għaddew kont pregnant u fl-aħħar wellidt."

U temmnu li dakinhar Duane qagħad qalb in-nies u beda jaraha magħhom? "Dakinhar ħassejtni turist. Bdejt minn Tritoni, bdejt nimxi sa kull pjazza, bdejt napprezza x-xogħol li sar, u jiena rajt il-projections li għamilt jien mal-bqija. L-iktar mument li emozzjonajt ruħi fih kien meta n-nies raw il-bandiera Maltija u bdew jgħidu 'Viva Malta' u 'Jiena Maltija, miskin minn ikasbarni, miskin min jidħak bija."

Aħna tkellimna wkoll ma' Angie Laus, il-mara ta' Duane, li rat pass pass is-sigħat twal li Duane għamel jaħdem bla waqfien. "Kien mument diffiċli għax għamilna 4 xhur ma noħorġux. Kienet iebsa ħafna meta tara lir-raġel tiegħek ma jorqodx, jiena u Mick ħa mmorru nistrieħu, u qed narawh jinkwieta u jikkrolla. Ma bdejniex ngħixu. In-nies ma jifhmux is-sofferenzi u t-tbatija tal-ħaġa."

U x'ħasset meta rat ix-xogħol finali. "Infqajt nibki. Għalija għamel kapulavur u xogħol li ħa jibqa' jissemma. F'ħajti għamilt elf miljun ħaġa imma qatt ma ħassejtni kburija daqskemm ħassejtni kburija bl-opra enormi tal-arti li għamel żewġi," temmet tgħidilna Angie.

Ritratt tal-lemin: Jason Borg
Filmat: Valletta 18

2 comments:

  1. Prosit kbira lil Duane u prosit lil Angie wkoll tal-koperazzjoni tieghek biex sehh dak li rawh eluf kbar ta` Maltin u li gie apprezzat mill-bosta barranin prezenti.

    ReplyDelete
  2. Prosit Daune and the team!! I know what it means! I have been through it for the past 5 years! But when you see the final result it is the most rewarding time of your life! Keep it up!

    ReplyDelete