best deal

Thursday, 11 January 2018

Il-ħaddiema tal-Prim Ministru jagħtu 816-il siegħa minn tagħhom għal min ikollu bżonn iktar leave

Is-segretarjat privat tal-Prim Ministru jagħti 816-il siegħa għal ħaddiema oħra li jiġu bżonn iktar leave matul is-sena, minħabba raġunijiet ta' saħħa u bżonnijiet oħra. 


Aħna tkellimna ma' Mark Farrugia, Deputy Chief of Staff tal-Prim Ministru, li qallina dwar dan il-fond li jikkontribwixxu fih il-ħaddiema tal-Gvern. "Il-Gvern għandu fond li fih kull impjegat li jaħdem mal-Gvern, jista' jaqbad ġurnata jew ammont ta' ġranet ta' leave, jgħid lis-superjuri tiegħu, u jitfagħhom f'dan il-fond. Imbagħad impjegati oħra tal-Gvern li jiġu bżonn ammont straodinarju ta' leave, pereżempju minħabba mard, li l-leave normali li tippermetti l-liġi ma jkunx biżżejjed. Għalhekk dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu japplikaw u jieħu l-leave minn dan il-fond. Din hija solidarjetà bil-fatti bejn il-ħaddiema f'dipartimenti u f'sezzjonijiet differenti tal-Gvern."

Is-Segretarjat Privat, jiġifieri n-nies li jaħdmu fil-qrib mal-Prim Ministru f'Kastilja, ġabar 816-il siegħa għal dan il-fond. "Bħala segretarjat, lejn l-aħħar tas-sena nitkellmu bejnietna u kulħadd minn dak li jkun fadallu jiddeċiedi li jagħti ġurnata jew aktar. Din is-sena b'kollox tajna 816-il siegħa ta' leave lil dan il-fond, li fih ikun hemm mijiet ta' sigħat oħra li jkunu taw impjegati oħra li jaħdmu mal-Gvern."

Imma minn fejn ġiet din l-idea. "Fl-2013, meta bdejna noperaw bħala segretarjat privat, kellimni xi ħadd u spjegali li jeżisti dan il-fond. Jiena persuna li bil-limitazzjonijiet kbar tiegħi, nipprova ngħin lin-nies li jkollhom bżonn l-għajnuna. Tkellimt ma' sħabi u kulħadd qabel li dan huwa ġest nobbli u kulħadd wieġeb lura li jixtieq jagħti xi ġurnata jew ġranet mil-leave tiegħu."

"Inħeġġeġ lil kull min jista' biex mill-bidu tas-sena jirriserva ġurnata u jgħid li din il-ġurnata mhux ħa tkun tiegħu imma minflok ħa jagħtiha lil dan il-fond. Iktar ma jkun hemm min jagħti, iktar jakkumulaw is-sigħat u iktar nies li sfortunatament ikunu qed jgħaddu minn diffikultajiet, ikunu jistgħu jgawdu minn dawn is-sigħat." 

F'Xarabank ukoll għadha għaddejja l-inizjattiva biex ħaddiema fis-settur privat iwaqqfu fond tal-leave fil-post fejn jaħdmu. "Din ħadmet ħafna u aħna bħala Xarabank nipprovdu l-għajnuna professjonali kollha biex dan il-fond jitwaqqaf," jgħidilna l-maniġer ta' Xarabank Mark Laurence Zammit. Ukoll f'Ottubru 2015, f'Xarabank ittellgħet maratona li fiha nġabar il-ħin li n-nies jixtiequ joffru biex jgħinu lil ħaddieħor. F'din l-inizjattiva kienu offrew il-ħin tagħhom ħafna u ħafna nies, fosthom il-President ta' Malta, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof ta' Malta.

Ritratt: DOI Omar Camilleri

No comments:

Post a Comment