Il-goalkeeper Matthew Calleja Cremona sodisfatt wara li l-UEFA sabet li ma kellu l-ebda ħtija fil-każi ta' korruzzjoni relatati mat-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena.
Aħna tkellimna ma' Matthew li qalilna l-għala kien ġie akkużat. "Fil-bidu ta' Ġunju ġejt mixli għax l-UEFA ħasbet li kont naf b'xi ħaġa u jiena ma kontx irrappurtajt. Illum ġejt ħieles minn kull akkuża u l-UEFA għalqet il-każ kontrija."
F'nofs Diċembru, Matthew jgħidilna li kien tela' l-Iżvizzera biex juri li ma kellu xejn x'jaqsam u li ma kien jaf b'xejn. Qabel illum, Matthew jistqarr li kien iħossu rrabjat. "Meta kont mixli kont ħassejtni rrabjat, iddisgustat u mdejjaq ħafna. Wara li tkun lgħabt logħba tan-nazzjonal, tkun kburi li lgħabt għal pajjiżek... imbagħad tispiċċa f'diżastru bħal dan. Hija diżappuntanti u kerha."
Illum, permezz tal-avukat, Matthew sar jaf li huwa ħieles minn kull akkuża. "Xħin sirt naf għedt: 'Għall-erwieħ.' Kont naf li qed nistenna li jkolli risposta pożittiva għax meta tkun qiegħed fuq in-naħa tas-sewwa, m'għandekx għalfejn toqgħod thewden iżżejjed imma xorta hewdint għax dawn mhumiex affarijiet sbieħ. Fil-każ tiegħi kont iffurtunat għax mhux dejjem toħroġ il-ġusizzja. Ħassejtni li ħadt ir-ruħ."
Kif qed iħares lejn il-karriera tal-futbol? "Inħares lejn il-karriera tal-futbol bl-istess mod li kont inħares lejha. Nibqa' naħdem u nistinka. Minn dak iż-żmien li ġejt akkużat, xorta bqajt naħdem u nistinka għax naf li ma għamilt xejn ħażin imma issa li naf is-sewwa fil-każ tiegħi, nista nkompli nittrenja b'iktar serenità. Ninsab motivat biex nilħaq dak li nixtieq."
"Ma tantx għandi mezzi ta' kif nista' nirringrazzja lil min tani sapport. Però napprezza ħafna lil min urieni s-sapport. Għalija min jurini s-sapport fuq l-integrità, hija l-iktar ħaġa li napprezza għax l-integrità hija l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja," itemm jgħidilna Matthew.
No comments:
Post a Comment