Aħna tkellimna ma' Natalie li tgħidilna kif il-ktieb A Clash of Fire, li jagħmel parti mis-sett ta' kotba Series and Scales, ġie fid-89 post.
Natalie ilha tikteb minn meta kellha 15-il sena u minn meta kienet żgħira kienet xtaqet li taqbad din il-karriera. "Meta kont żgħira bdejt nikteb il-poeżiji, anke bil-Malti. Wara xi ftit żmien ġejt it-tieni u ngħatajt premju għall-poeżija mill-Għaqda Letterarja Maltija. Dejjem xtaqt nidħol fil-kitba imma qatt ma ħsibt li jista' jkun hemm xi qligħ mill-kitba jew li jista' jkollha karriera. Mort l-Università, ġibt id-degree, iżda fl-istess waqt kont nikteb fil-magazines u kont nikteb fuq affarijiet differenti minn Filosofija sal-moda."
Natalie tiddeċiedi li ssiefer l-Amerika. Hemmhekk tiltaqa' mar-raġel u tibda twettaq il-ħolma tagħha. "Fl-1998 sifirt l-Amerka, iltqajt mar-raġel u bdejt naħdem fil-kamp legali. Iżda l-kumpanija li kont naħdem magħha bdiet tkeċċi n-nies minħabba li l-ekonomija bdiet tmur għall-agħar. Sadanittant ir-raġel kien dejjem jarani nikteb u qalli biex nibda nikteb la kont qed nistenna xogħol ieħor."
U Natalie tibda teditja l-kotba. "Kien hemm xi nies li bdew isaqsuni neditja x-xogħol tagħhom. Bdejt nagħmilha u r-raġel qalli għaliex ma tkomplix fuq din il-linja. Bdejt nagħmel dan ix-xogħol u bdejt nippubblika xi xogħol ma' kumpanija żgħira, li llum ma għadhiex teżisti. Imbagħad fl-2009 ġejt Malta, bdejt nikteb l-ewwel rumanz tiegħi sakemm imbagħad ġiet l-opportunità li nikteb għal serje."
Natalie tispiċċa tikteb kiteb li jispiċċa bestseller. "Kont iltqajt ma' xi ħbieb li kienu qed jiktbu f'din is-serje u persuna minnhom ħajritni biex nikteb. Kellimt lil koawtriċi tiegħi, Zee Monodee, li ilna niktbu flimkien għal dawn l-aħħar sitt snin, u ħriġna l-ktieb A Clash of Fire, li huwa dwar id-draguni."
U dan il-ktieb li jagħmel parti mis-sett Series and Scales jagħmilha mal-bestsellers. "Wara li konna ilna nistennew u niċċekkjaw, ħarġet il-lista u rajna li għamilnieha mal-aqwa kotba. Fraħt ħafna għax hija ħaġa li dejjem kienet il-ħolma tiegħi u issa nixtieq il nibni fuqha."
Natalie tgħidilna wkoll li bħalissa qed taħdem fuq serje oħra.
No comments:
Post a Comment