best deal

Wednesday, 10 January 2018

"Nixtieq nerġa' nilgħab u ssir ġustizzja miegħi" - Emmanuel Briffa



Il-plejer Emmanuel Briffa lbieraħ ġie sospiż għal għomru mill-UEFA wara li nstab ħati, flimkien ma' plejer ieħor, talli influwenza b'xi mod ir-riżultat ta' żewġ partiti mir-rawnd ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2017. Dan meta Malta kienet lagħbet kontra l-Montenegro fit-23 ta' Marzu 2016 u Malta kontra r-Repubblika Ċeka, li kienet intlagħbet sitt ijiem wara. 

Issa Emmanuel qed jipprotesta l-innoċenza tiegħu u jixtieq li ssir ġustizzja miegħu.


Aħna tkellimna ma' Emmanuel li jgħidilna kif instab ħati. "Jiena ġejt akkużat li avviċinani persuna u li ma kxiftux, u li aċċettajt l-offerta li offrieli. Jiena ammettajt mill-ewwel mal-pulizija li ġie avviċinani imma mhux veru li aċċettejt l-offerta. Ma ħassejtnix tajjeb li ġejt akkużat fuq ħaġa li jien m'għamiltx u li lanqas tlabt għaliha. Kieku kellimtu jien, tgħid paċenzja, imma hu ġie avviċinani."

Ilbieraħ Manuel flimkien ma' plejer ieħor instabu ħatja mill-UEFA. Manuel jistqarr li ma setax jemmen meta sema' dak li qallu l-avukat ilbieraħ. "Meta ċempilli l-avukat u qalli li għandi għomri ma nilgħabx futbol, lanqas stajt nemmnu. L-ewwel staqsejtu jekk hux qed jiċċajta. Qalli li qed jagħtuni għomri ma nilgħabx futbol għax instabt ħati li jiena nxtrajt u li aċċettajt l-offerta. Kif qalli hekk, bqajt imbellah. Bdejt ngħid kif jista' jkun. Anke l-avukat baqa' mbellah għax lanqas stennejna li se jagħtuna għomorna ma nilgħabux futbol. Minflok stennejna sospensjoni imma mhux għomorna ma nilagħbux futbol."

Ta' min jiftakar li Manuel Briffa u l-plejer l-ieħor kienu nħelsu minn dawn l-akkużi fil-Qrati Maltin. Però bħalissa qed jerġgħu jaffaċċjaw l-istess akkużi wara li l-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni tas-sentenza tal-ewwel Qorti. "Veru għad hemm l-appell, però minn hawn ġejna illiberati u issa l-UEFA sabitna ħatja u qed tmur kontra l-ġustizzja ta' Malta."

Issostni li trid issir ġustizzja miegħu. "Mhux inħossni tajjeb. Tkun ilek dawn is-snin kollha tilgħab il-futbol, tasal tilgħab mal-kbar u tispiċċa ma tistax tilgħab iktar. Inħossni ddispjaċut. Ix-xewqa tiegħi hi li nerġa' nilgħab u li ssir ġustizzja miegħi," itemm jgħid Emmanuel.

No comments:

Post a Comment