best deal

Wednesday, 10 January 2018

Se jagħtuh l-ikel għall-annimali wara storja li ħriġna fuq din il-website



Borg Cardona & Company Limited raw l-istorja ta' Lawrence u se jgħinuh.

Ftit ġimgħat ilu, Xarabank.com.mt tkellem ma' Lawrence, pensjonant li kuljum jitma' mal-160 qattus u qanfud. Lawrence jikkalkula li jonfoq mat-€80 kuljum u mal-€2,400 fix-xahar, f'ikel għal dawn il-qtates u qniefed. L-ispiża mhux dejjem ikun jiflaħ għaliha u kien qalilna li meta ma jlaħħaqx mal-ispejjeż, jispiċċa jbigħ mill-oġġetti tiegħu. Saħansitra biex ilaħħaq mal-ispiża, kultant ikollu jbigħ xi kitarra mill-kollezzjoni antika tal-kitarri li għandu.

Wara li raw din l-istorja, Borg Cardona & Co. LTD,  id-distributuri tar-Royal Canin f'Malta, se jtaffu ftit mill-ispejjeż ta' Lawrence, billi jgħinuh. "Wara li rajna l-istorja ta' Lawrence, aħna nixtiequ ngħinuh billi nagħtuh 3 boroż ikel ta' Royal Canin (SC365D), ta' 15-il kilo kull borża."

Aħna ċempilna lil Lawrence, li kumbinazzjoni kien qed jixtri l-ikel għall-qtates u l-qniefed, u tajnieh din is-sorpriża. Araw x'għandu x'jgħidilna: "Nirringrazzja lil Royal Canin, speċjalment lil Nigel li dejjem kien ta' sapport. Mhux l-ewwel darba li jikkuntattjani, u jgħidli li hawn konsenja biex neħodha. Din l-għajnuna se tgħinni ħafna għax tnaqqasli ħafna mill-ispejjeż li għandi. Illum l-ispiża telgħet għal €77 u s-soltu nonfoq ma' €80 kuljum."

Wara li ħarġet l-istorja, Lawrence rċieva ħafna kummenti. "Wara li ħarġet l-istorja rċevejt ħafna kummenti sbieħ, twarrab 3 kummenti negattivi." Itemm billi jappella għall-għajnuna, din id-darba waħda differenti. "Għandi bżonn l-għajnuna ta' xi persuni li jkunu lesti li jibdew jitimgħu miegħi għax jekk jiġrili xi ħaġa jiena, ma nafx x'se jiġri minnhom," itemm jgħidilna Lawrence.



No comments:

Post a Comment