Din Abigail Pace. Għandha 21 sena. Sentejn ilu mardet bil-kanċer. Waqt l-uġigħ insapportabbli li kienet għaddejja minnu, Puttinu jgħinha b'kelma ta' kuraġġ. Ħasset il-ħtieġa li tagħti xi ħaġa lura u tibda tagħmel il-kartolini.
Aħna tkellimna ma' Abigail li tgħidilna kif fl-2016 mardet bil-kanċer. "F'Novembru ta' dik is-sena ġejt diagnosed b'lymphoma. Kelli boċċa fuq għonqi fuq in-naħa tal-lemin. Għall-ewwel ħasbu li għandi viral infection. Għamilt xahar immur għat-testijiet. Però mbagħad telgħetli boċċa n-naħa l-oħra u ddeċidew li jagħmluli l-operazzjoni biex ineħħuli l-lymphoid li kienet intefħet. Mit-testijiet ta' qabel l-operazzjoni indunaw li kien kanċer."
Abigail tieqaf mill-iskola, tibda l-kimoterapija u tibda tpinġi. "Bdejt nieħu l-kimoterapija u għamilt l-ewwel sitt xhur id-dar. Kelli ħafna ħin id-dar għax waqaft mill-iskola biex niffoka fuq saħħti. Xtaqt insib xi ħaġa x'nagħmel biex ninsa l-uġigħ li kont għaddejja minnu. Minn dejjem kelli interess fit-tpenġija iżda kont inħalli dak li penġejt hemm. Ma kontx insib sodisfazzjon nara l-karta, ma nafx x'se nagħmel biha u nħares lejha biss."
Tiltaqa' ma' Rennie ta' Puttinu Cares u trodd lura l-għajnuna li kien jagħtiha, bit-tpenġija tagħha. "Kien ikolli ġimgħat fejn kont nieħu l-kimoterpaija u kont inkun fir-Rainbow Ward, is-sala li fiha jkun hemm parti mit-tim ta' Puttinu Cares. Darba minnhom ġie Rennie u bdejna nitkellmu kif twaqqaf Puttinu, u tani kuraġġ kbir bil-mod pożittiv li jħares lejn il-ħajja."
"Id-dedikazzjoni li rajt fih kien li ispirani biex nibda xi ħaġa. Xtaqt li nagħmel xi ħaġa li tgħinni nirkupra, tkun forma ta' arti għax għalija hija terapija u fl-istess ħin nagħmel xi ħaġa biex ngħin lil ħaddieħor, speċifikament lil Puttinu. Ġietni l-idea li nagħmel il-kartolini li wieħed jista' jagħtiha lil xi ħadd u fl-istess ħin jifraħ xi ħaddieħor biha."

"L-għan tiegħi mhux biex niftaħar jew nuri x'kapaċitajiet li għandi iżda li forsi nferraħ lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili. Hemm tama li toħroġ xi ħaġa pożittiva minn esperjenza negattiva," ittemm tgħidilna Abigail.
Wara 6 xhur għaddejja bil-kimoterapija, illum Abigail reġgħet qed tkompli bl-istudji tagħha. Qiegħda fit-tielet sena tagħha bħala studenta tal-Mediċina. U għadha tkompli tagħmel il-kartolini li kull waħda li tbigħ, parti mill-qligħ qed imur għal Puttinu Cares.
No comments:
Post a Comment