best deal

Thursday, 15 February 2018

BIL-FILMAT: Dan il-Malti żifen għal Jennifer Lopez


Jacob Borg ftit jiem ilu żifen għall-avveniment ta' Jennifer Lopez, Super Saturday Night #JloNow Minneapolis, fl-Istati Uniti.


Mhijiex daqstant komuni li tara Malti jiżfen għal kantanti internazzjonali u għalhekk ħtafna l-opportunità biex inkellmu lil Jacob li bħalissa qed jistudja u jiżfen l-Amerika.



Imma kif spiċċa jiżfen għal Jennifer Lopez? "Bħalissa qed naħdem u niżfen mal-kumpanija Dance with Us America - Dance With Love Show. Kien hemm grupp ta' żeffiena li diġà ġew magħżula biex jiżfnu ġewwa Minnesota, però minħabba li l-kumpanija għandha reputazzjoni għolja, spiċċajt niżfen magħhom temporanjament." 



Malli sar jaf li se jiżfen għal Jennifer Lopez ħassu emozzjoni kbira. "Malli sirt naf, ħassejt eċitament kbir. Li naħdem ma' ċelebritajiet world-class hija opportunità rari ħafna. Speċjalment għalija li m'iniex imħarreġ fi żfin commercial. Din kienet opportunità ta' darba u għalhekk ninsab grat ħafna."

Jasal il-jum importanti għal Jacob, u jispjegalna li l-preparazzjoni għax-xow damet 4 sigħat. "Ir-rowl tiegħi bħala żeffien modern u kontemporanju kien li ninterpreta l-moviment ta' igwana. Għamluli ż-żebgħa biex nidher ta' igwana u għalhekk l-proċess biex inħejji ruħi kien twil ħafna u sa ċertu punt tedjanti wkoll imma l-4 sigħat ta' qabel u x-xow innifsu kienu worthed it."



Imma Jacob irnexxielu jkellimha lil Jennifer Lopez? "Iż-żeffien u dawk involuti f'dan l-avveniment ġejna mitluba biex ma navviċinawx jew nkellmu lil Jennifer Lopez. Fil-fatt kellna nwarrbu l-mowbajls għaliex lanqas stajna nieħu ritratt tagħha jew tagħna magħha. Però kelli ċ-ċans li naraha u nkun veru viċin tagħha."

Jacob qasam magħna l-istorja ta' kif iż-żfin daħal f'ħajtu u sar parti minnu. "Jiena bdejt niżfen ta' 5 snin u kont imħarreġ fil-ballroom u fiż-żfin Latin sa ma kelli ta' 13-il sena. Ta' 13 bdejt il-ballet fl-iskola ta' Brigette Gauci Borda School of Ballet. Ġietni l-opportunità biex nistudja l-Italja fejn hemmhekk ħdimt ħafna fuq il-ballet klassiku fl-iskola Tersicore Scuola di Danza Monafalcone, Trieste. Wara ngħatajt scholariship f'St Olaf College f'Minnesota, l-Istati Uniti u hemmhekk komplejt nistudja ż-żfin, b'mod speċjali dak modern. Fl-istess ħin kont qed nistudja ż-żfin fl-Università, u ddeċidejt li nkompli niżfen il-ballroom u l-Latin f'Dance With Us America. Kburi ngħid li jiena wieħed mill-għalliema professjonali t'hemmhekk."


Jistqarr li ż-żfin ifisser kollox għalih. "Hija forma ta' arti qawwija ħafna, mhux biss għaliex hija mod ta' kif nista' noħroġ l-emozzjonijiet tiegħi imma b'mod importanti għax hija forma li tippermetti biex nagħżel koreografija u nużaha bħala medium biex nikkomunika."




Jacob jgħaddi messaġġ għal min jixtieq jaqbad iż-żfin bħala l-karriera tiegħu. "Morru għaliha! Hemm ċerti impjiegi fil-ħajja li mhux neċessarjament jagħmluk sinjur imma l-karriera nfisha tqanqal kuntentizza, sodisfazzjoni, u opportunitajiet li jekk ma tkunx artist ma tapprezzahomx."

No comments:

Post a Comment