Tuesday, 20 February 2018
BIL-FILMAT: "Filli qiegħed f'żaqqha, inħossu jagħti, u filli qed narah f'idejja" - Richard
Richard u Raisa saru papà u mamà ta' Benjamin.
Aħna tkellimna ma' Richard u Raisa li jgħidulna kif Benjamin huwa miraklu. "Waħda minn dawk l-affarijiet li ma tistax tispjegahom sakemm tesperjenzahom. Inħossni kuntent ħafna. L-ewwel darba li rajtu, għedt li Ben huwa miraklu. Tara kemm Alla huwa kbir. Filli qiegħed f'żaqqha, qed inħossu jagħti u filli qed narah f'idejja. Hija l-isbaħ ħaġa tad-dinja," jgħidilna Richard.
"Ġurnata qabel il-jum li fih kien ippjanat li nwelled, infaqa' l-ilma u ftit sigħat wara ġie Benjamin. Bħala mamà għall-ewwel darba, nista' ngħid li hi ħaġa sabiħa ħafna. Filli qed inħoss it-tarbija fija u mbagħad qed narah. Huwa miraklu. Xħin rajtu rringrazzjajt lill-Bambin. Ħerqana għall-ħajja bħala mamà. Ovvjament se jkollha l-isfidi tagħha, anke sakemm nadattaw għal rutina ġdida imma jiena u Richard lesti għaliha," tistqarr Raisa.
Aħna u nkellmu magħhom, stajna nisimgħu lil Benjamin jibki u Richard jirrakkontalna x'ġara matul lejl minnhom. "Ilbiraħtlula kien qed jibki matul il-lejl. Ma konniex nafu xi jrid u pprovajna naraw x'għandu. Imbagħad ġiet il-midwife u f'żewġ sekondi, solviet il-problema kollha. Dak il-ħin rajtha l-anġlu kustodju. Affarijiet li għadna rridu nidrawhom għax din hija esperjenza totalment ġdida għalina. Nirringrazzja minn qalbi l-infermiera u l-istaff kollu tal-isptar għas-servizz tagħhom," itemm jgħidilna Richard.
Ftit qabel ma twieled Benjamin, Richard kiteb kanzunetta għal ibnu biex jgħidlu li jħobbu minn issa minkejja li hu u Raisa kienu għadhom ma ltaqgħux miegħu. Fiha jistqarr lil ibnu li qed iqanqanlu tbissima fuq wiċċu minkejja li kien għadu qatt ma semgħu jitkellem jew rah b'għajnejh. Jistqarrlu wkoll li se jkun dejjem hemm għalih tul ħajtu kollha u li se jagħmel ħiltu kollha biex ikun papà ideali.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment