best deal

Wednesday, 21 February 2018

BIL-FILMAT: Insellmu lil Ġoma, lil Jennifer, lil Lonza u lil Filumen



Ġemma Portelli. Attriċi, mara tal-familja u omm.


F’Settembru 1932, fil-Belt Valletta twieldet Ġemma. Attriċi veterana.

Ġemma, dakinhar Schembri, bdiet fix-xandir ta' età żgħira permezz tar-re-diffusion. Fl-1957, ingħaqdet mar-Radju Muskittieri flimkien ma' Charles Clews u Johnny Catania. Ftit snin wara, waqqfet kumpanija teatrali mar-raġel tagħha bl-isem ta’ Blue Birds biex tipproduċi programm għat-tfal.
6 xhur wara l-mewt ta’ ommha, iżżewġet lil Paul li flimkien miegħu kienu jagħmlu sketches popolari.

F’Ottubru, 1976, saret l-ewwel drama televiżiva F’Baħar Wieħed fejn Ġemma ħadmet il-parti prinċipali ta' Ġoma. Tiftakarha? Ġoma kienet mara, b’qalb kbira, ilsienha twil u sindikajra.

Fis-sena 2000 ingħatat il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Ġieħ li kien jixraqilha tassew. Ingħatat ukoll il-Charles Arrigo Lifetime Achievement Award fil-GO Malta Television Awards fl-2007.

Ġemma tilfet lil żewġha Paul fid-29 ta’ Jannar tal-2001 u minn dakinhar, saħħitha bdiet sejra lura. Iktar ma għadda żmien, iktar bdiet sejra lura. Għalkemm marida, ħadmet Ta’ Ħorrox Borrox b’sagriffiċji kbar.

L-aħħar ftit jiem kienu ta’ tbatija kbira u propju bħal-lum 10 snin ilu fl-età ta' 75 sena, Ġemma Portelli ħalliet din id-dinja. Il-mewt tagħha ħasdet mhux biss lil dawk li għandhom għal qalbhom it-teatru Malti, iżda wkoll lill-Maltin kollha.

“Mulej ilqa r-ruħ ta’ Ġemma illi f’ħajjitha min jaf kemm ferrħet qlub imdejqa. Agħtiha l-grazzja illi il-ġid li għamlet f’din id-dinja, tgawdih miegħek fis-sema."  Din kienet waħda mit-talbiet tal-fidili li kitbu sħabha l-atturi stess. 

Ara hawnekk filmat minn F'Baħar Wieħed fejn Ġoma bdiet tipprova titkellem fuq tape cassette biex tibgħat messaġġ lil bintha li tgħix barra.


 

No comments:

Post a Comment