best deal

Wednesday, 28 February 2018

BIL-FILMATI: "Xarabank ħareġ għonqu għalija" - Dorianne


Dorianne Camilleri, il-mara li ngħatat 5 snin ħabs, wara li tajret żewġ anzjani u qatlet anzjan, inbidlitilha s-sentenza u minflok ingħatat sentenza ta' 6 xhur ħabs sospiżi għal sena.


Ma' Xarabank, Dorianne tistqarr li dan l-inċident kien traġedja. "Din xorta tibqa' traġedja. Wara kollox l-output tagħha huwa xi ħaġa ikrah ħafna, kemm għalija u kemm għal qrabi tal-vittma u għall-vittma nfushom. Kuntenta li s-sentenza ċċarat għax kienet inġusta minħabba li ma kien hemm negliġenza ta' xejn. Allura bħala persuna ma jistax jonqos li nħossni li ħadt ir-ruħ. 

"llum kienet ġurnata speċjali wkoll għax tkellimt ma' qraba tal-vittma li wara li ilna niltaqgħu mill-2015, għamilna 3 snin naraw wiċċ xulxin imma qisna qatt ma tkellimna. Il-fatt li tgħannaqna u li tkellimna, u wera s-solidarjetà miegħi u jiena miegħu, ħassejna li konna fuq l-istess livell. Din fissret ħafna għalija."

Dorianne tirringrazzja lil Xarabank. "Xarabank fisser ħafna għax ħareġ għall-għajta biex jekk kien hemm xi ħadd li ra xi ħaġa, jitkellem. Fil-fatt ħareġ xhud li kien importanti ħafna għalija u tela' jixhed u spjega aħjar x'ġara u x'ma ġarax. Ix-xhieda fil-verità kienu hemm u qatt ma ġew imsejħa, u l-fatt li Xarabank sejħilhom u ħarġu, dik kienet t'għajnuna kbira."

Kif tħares 'il quddiem Dorianne? "Issa nkompli ħajti. Hija xi ħaġa li kulħadd jitgħallem minnha, kemm bħala sewwieq u kemm bħala pedestrian."



Din l-istorja sħiħa ta' Dorianne...                                                                                                                               
17 ta'  Frar tas-sena l-oħra Dorianne waħlet 5 snin wara li nstabet ħatja li b'mod involontarju f'inċident bil-karozza tajret u qatlet anzjan ta' 64 sena u kkaġunat ġrieħi gravi fuq oħtu ta' 75 sena.

Ma' Xarabank, Dorianne Camilleri kienet qaltilna kif ħajjitha nqelbet ta' taħt fuq. "Minn dakinhar ħajti nbidlet ta' taħt fuq, kompletament. Minn xħin tqum sa xħin torqod u anke waqt li tkun rieqda għax kollox jinbidel. Minn kif tħares lejn il-ħajja, mill-mod kif taffaċċja l-problema, l-istrength li kelli qabel, illum inħoss li ħafna minnu m'għadux hemm, il-biża' li dejjem iġġorr ġo fik għax bħalma ġrat darba tibda taħseb u tgħid, xi trid biex terġa' tiġri fuqek. Kienu 6 snin difficli ħafna u issa iktar minn qatt qabel."

Dorianne kienet qaltilna li ddispjaċiha ħafna għal dawk iż-żewġ anzjani. "Jiddispjaċini għalihom. Jiddispjaċini l-iktar għax qasmu minn hemm. Ma jistax ma jiddispjaċikx għalihom imma mbagħad ikun hemm dak il-mument li taħseb naqra fuqek innifsek dwar x'se jiġri minni jien."

Xħin nies setgħu ħasbu li xħin ġara l-inċident Dorianne kienet fuq il-mowbajl jew kienet xurbana. "Xejn minn dan. Jiena qatt ma ġejt akkużata minn dan kollu. La kien hemm overspeeding, la kien hemm droga, la kien hemm użu ta' mowbajl, ma kien hemm xejn."

Dorianne kienet qed tfittex ix-xhieda. "Nappella li jekk hemm xi nies li raw is-sitwazzjoni dakinhar, raw x'ġara, raw kif seħħet, please come forward u għidu l-verità, jiena daqshekk kulma rrid biex tkunu tistgħu tgħinu ftit. Daqshekk biss."



Aħna bqajna nfittxu u sibna li waħda mix-xhieda hija Elaine Agius, personalità magħrufa. Dakinhar tal-inċident Elaine kienet hemm u rat kollox. "Jien kont hemm u rajt x'kien x'ġara. Imbagħad qrajt l-artiklu u xħin rajt li ma emmnuhiex fuq il-fatti li bdiet tgħid hi, ħassejt diżappunt kbir u bdejt inħoss guilt għaliha u bdejt ngħid min jaf minn xiex inhi għaddejja. Offrejt li nkun xhud. Dorianne mhux tigdeb u dik li rrid niddefendi. Kieku rajt xi tip ta' gideb ma kontx se nidħol għaliha. Naf fejn kienu xħin qasmu. Niftakar affarijiet li naħseb fil-Qorti se jkollhom valur għax hemm ħafna dettall f'dak li niftakar u Dorianne mhux qed tigdeb."

Wara li ra l-intervista ma' Dorianne f'Xarabank, l-eks-Ministru Tonio Fenech ċemplilna u qalilna li huwa kien xhud ta' dak l-inċident.

"Rajt il-clip ta' Xarabank fuq il-Facebook tagħkom u rajt l-intervista li fiha kien hemm Elaine, u rrealizzajt li kien l-istess każ illi jien kont rajtu jiġri xi ħames, sitt snin ilu ta' din il-persuna li tajret dawn iż-żewġ anzjani. Allura dak il-ħin ċempilt lil Peppi, għedtlu li ma nafx x'nista' nagħmel, għedtlu li jien rajtu sew dak il-każ u niftakru sew, u niftakar li l-mod kif kien ġara l-inċident, ma naħsibx li l-persuna li tajret iż-żewġ individwi fil-fatt setgħet rathom." L-eks-Ministru Tonio Fenech kien spjega u staqsa kif ħadd ma kien bagħat għalih għax hu mar ħdejhom u qagħad ikellimhom biex iżommhom konxji.



Xarabank se jitkellem fuq il-każ ta' Dorianne Camilleri, nhar il-Ġimgħa.

No comments:

Post a Comment