best deal

Saturday, 17 February 2018

"Fil-birthday tiegħi ddeċidejt li nidħol Mount Carmel" - Alessandro


Dan Alessandro, u jbati mill-bi-polar u mill-paranojja.


F'intervista li Xarabank għamel ma' Alessandro, huwa jispjega kif ma kellux kontroll fuqu nnifsu. "Ta' 20 sena, fil-birthday tiegħi, iddeċidejt jien stess biex nidħol Mount Carmel għax ma kontx qiegħed tajjeb. Ipprovajt nagħmel suwiċidju 3 darbiet imma mhux għax ridt neħles lili nnifsi imma biex nuri lin-nies kemm qed inbati."

"Il-marda tal-bi-polar hija li ma jkollokx kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħek. Minħabba li jien sensittiv iktar u iktar inbati. Naħseb ħafna u nippanikja fuq kollox. Kieku mhux qed nieħu l-kura, kieku mhux qiegħed hawn bħalissa. Però l-kura mhijiex kollox."

Jgħid li nies bħalu jridu li jiġu aċċettati. "Nies bħali li rridu hu li niġu aċċettati u li xi ħadd jurina li jħobbna, li ħaqqna ngħixu ħajja normali, li niġu apprezzati u ma nħossuniex waħedna. Li meta jkollna bżonn l-għajnuna jkun hemm xi ħadd ħdejna u jurina li l-ħajja mhux kerha imma li hi sabiħa. Għalhekk qiegħed hawn jien biex in-nies li qed ibatu bħali jew huma agħar minni, iqumu minn hemm u jgħidlu, "M'għandna xejn differenti u li aħna kollox nistgħu nagħmlu."

"Għall-grazzja ta' Alla kelli opportunità li nsiefer, u mmur nistudja u naħdem Oxford. Din kienet xewqa tiegħi minn meta kont żgħir u għamiltha. Jekk inti tbati minn xi ħaġa, oħroġ, ammetti u aċċetta lili nnifsek għax meta taċċetta lili nnifsek tibda tinbidel ħajtek. Qabel ma aċċettajt lili nnifsi, ħajti miżerja kienet. Kelli nieqaf l-iskola u kont nagħmel 3 ġimgħat ġewwa, nibqa' fil-kamra tiegħi, la niekol u lanqas ninħasel. Meta aċċettajt lili nnifsi, bdiet tinbidel ħajti."



Missier Alessandro jiddedika ħajtu għal ibnu u Alessandro jgħidilna xi jfisser missieru għalih. 

"Kieku m'hawnx hu, kieku mhux qiegħed hawn. Għalhekk qiegħed hawn għax nibża' li meta jmut hu, ħa nitkisser jien għax mhux ħa jkolli lil ħadd min jgħinni. Irrid nuri lin-nies li aħna normali. Aħna kulma rridu huwa ftit għajnuna. Kieku allaħares qatt imut missieri, nibża' li nispiċċa. Ma jkollix ma' min nitkellem u ma' min niftaħ qalbi. Nibża' li ma jkun hemm ħadd li jista' jifhmni sew, u nispiċċa literralment waħdi. Irrid li n-nies ta' barra jaċċettawna u nneħħi l-istigma li jeżisti."

Għall-għajnuna ċempel 21224580.

No comments:

Post a Comment