best deal

Monday, 19 February 2018

"Ġejt 32 kilo għax bdejt narani ħoxna"- Sarah


Din Sarah Pullicino. Ta' 15-il sena tibda tisma' lin-nies jgħidulha li qed titqawwa. Ma tibdiex tiekol. Tinżel 23 kilo u minn 55 kilo tiġi 32 kilo. Tibqa' ma tikolx sa ma qalbha tħabbat in-nofs ta' kemm sippost tħabbat, u tispiċċa l-isptar.

Aħna tkellimna ma' Sarah, li llum għandha 21 sena, u tgħidilna kif ta' 15-il sena bdiet tqabbel lilha nfisha ma' ħaddieħor. "Kont daqsxejn qawwija u kont qed nikkumpara lili nnifsi wisq man-nies ta' madwari. Minħabba li kont nieħu sehem f'ħafna attivitajiet fiżiċi l-iskola, kont qed insir aktar konxja tiegħi nnifsi." 



In-nies jibdew jgħidulha li qed titqawwa u tibda tonqos. "Ħafna nies bdew jgħiduli li kont qed nitqawwa. Minn hemmhekk għedt li ma stajtx nieħu iktar ġewwa fija, u ridt li nibda nonqos." U Sarah tibda tfittex fuq l-internet kif tista' tonqos. "L-ewwel bdejt nuża apps biex jikkontrollaw kemm għandi niekol. Imbagħad iddeċidejt li għandi bżonn nikkontrolla iktar lili nnifsi. Bdejt nara diversi webistes li jħeġġuk biex ma tikolx, u hekk għamilt. Ma bdejtx niekol."



Il-familja, il-ħbieb u l-għalliema jibdew jindunaw li Sarah qed tonqos iżżejjed. "Bdew jiġbduli l-attenzjoni li verament qed nonqos, u din kienet qed tagħtini iktar sodisfazzjon. Kont qed ngħid li dak li kont qed nagħmel, kien qed jaħdem. Però l-familja tiegħi bdiet tinkwieta ħafna xħin bdew jarawni nonqos u nnaqqas mill-ikel, imma ma stajtx nagħmel li jgħiduli. Moħħi kulma kien qed jgħidli kien li għadni ħoxna. Ma bqajtx noħroġ ma' sħabi u lanqas għal xi ikla ma' tal-familja ma bdejt immur. Ma stajtx inkun ħdejn l-ikel. Xħin kont qed nara lil ommi ssajjar, kont noqgħod qrib tagħha biex nara kull ingredjent li titfa' u nikkalkula kull kalorja. Kont nintiżen iktar minn 10 darbiet f'ġurnata u xħin nara li żidt nofs kilo, kont niġġennen."



Sarah baqgħet tonqos sakemm imbagħad kellha tiddaħħal l-isptar. "Darba qalbi niżlet in-nofs ta' kemm sippost tħabbat qalbna. Hemm ħaduni l-isptar b'anorexia nervosa għal kura. Kemm-il darba kien tani ħass ħażin. Xagħri tilef is-saħaħ u beda jaqa'. Il-kulur ta' wiċċi nbidel. Kull għadma stajt tmissha u taraha. Id-dwiefer bdew jinqalgħu u bdejt inħossni ħafna għajjiena. Però moħħi baqa' jgħajjat iktar u iktar biex inkompli nonqos. Kull darba li nħares lejn xi tip ta' ikel, dejjem jiġi n-numru ta' kaloriji li fih. Kull ikel li fih iktar minn mitt kalorija, kien ibeżżagħni."



Sarah tibda tieħu l-kura. "Sibt għajnuna kbira mit-tobba, mill-psikoloġisti, u sapport kbir mingħand il-familja u l-ħbieb. B'dan il-mod beda jirnexxili niżviluppa relazzjoni differenti mal-ikel. Ma kienet faċli xejn għax l-itqal battalja li jista' jkollok hi li tiġġieled miegħek innifsek kull darba. Xi infermiera kienu jpoġġuli platt quddiemi u jgħiduli biex niekol. Din kienet iktar tkissirni għax moħħi jerġa' jibda jgħajjat. Il-kura tibda minnek. Biex tirbaħ trid tiġġieled għalik innifsek."



U Sarah tibda taċċetta lilha nfisha. "Għelibtha billi bdejt naċċetta u nħobb lili nnifsi kif jien. Ippruvajt negħleb u ninjora l-vuċijiet ġo moħħi. Xħin aċċettajt li kelli bżonn ngħix, bdejt ngħix, bdejt niekol u bdejt noħroġ ma' sħabi. Kull darba li nerġa' nisma' l-vuċijiet, inħares lura u ngħid li jien ħaqqni ngħix bħal kulħadd. Illum inħares lura u nitbissem, mhux għax ħadt gost li għaddejt minn żmien vera ikrah u diffiċli għalija, imma għax dak kollu li għaddejt minnu, wassalni s'hawnhekk."

Illum Sarah qiegħda t-tielet sena l-Università u saret tapprezza l-ħajja. "Għandi familja b'qalb tad-deheb, għandi ħbieb ġenwini u għandi għarus li jħobbni kif jien u jħares lejn il-passat tiegħi bħala kuraġġ kbir li għaddejt minnu. Meta tgħaddi minn esperjenzi fejn tkun qed tilgħab mal-ħajja u l-mewt, hemmhekk tibda tinduna l-valur tal-ħajja, kemm hi prezzjuża u kemm għandna nieħdu ħsiebha. Illum sibt il-ħajja. Illum kuntenta bil-mod kif nidher. Inħossni tajba u erġajt telllajt il-piż li tlift. Sirt inħobb niekol u nħobb 'il ġismi."


Sarah twassal messaġġ lil min għaddej minn sitwazzjoni simili. "Għal min qed jgħaddi minn affarijiet simili, inħeġġiġkom issibu l-għajnuna, tkellmu ma' min tħossukom l-iktar komdi, u aċċettaw li għandkom kull dritt li tgħixu daqs ħaddieħor. M'intom qatt waħedkom u hawn ħafna min hu lest jgħinkom. Ibqgħu ftakru min intom f'qiegħ qalbkom u tindunaw li ħadd mhu ħa jħobbkom daqskemm intom għandkom tħobbu lilkom infuskom. Ħa tindunaw li ħaqqkom tgħixu, li l-ħajja isbaħ mingħajr l-anoressija. Kollox jaqa' f'postu, wara li tiġġieldu għalikom u tindunaw li meta tibda taċċetta lilek innifsek u ħa tiġġieled lill-anoressija, ħa tirbaħ u dik ħa tkun l-ikbar battalja li inti tkun irbaħt."


No comments:

Post a Comment