Jeanesse Abela li twieldet b'cerebral palsy tistqarr magħna l-problema li ssib bl-aċċessibbiltà f'pajjiżna bħala persuna b'diżabilità.
Tistqarr li f'Malta n-nies li jużaw siġġu tar-rota għadhom isibu problema. "Iż-żgħażagħ għandhom ħafna postijiet fejn imorru iżda mhumiex kollha aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti. Mhux l-ewwel darba li mort Paceville u l-istabbilimenti ma jkunux adattati għalija. Daqqa ssib xi erba' tarġiet u daqqa ssib xi sular taraġ fejn ġieli jew nispiċċa ma nidħolx jew ikollhom jerfgħuni l-bouncers. Dan mhux sew għax aħna għandna d-dritt li niddevertu bħal kull żagħżugħ u żagħżugħa, u għandna d-dritt li nidħlu fejn nixtiequ aħna."
Tistqarr li hemm bżonn iżjed infurzar. "Vera li teżisti l-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità) u regolament tal-MEPA li mis-sena 2000 'l hawn, kull min jibni xi post ġdid, inkluż postijiet ta' divertiment, għandu jibnih b'mod li jkun aċċessibbli għal kulħadd inkluż min juża siġġu tar-roti. Imma sfortunatament mhux qed ikunu infurzati biżżejjed. Hemm bżonn li l-MEPA tieħu passi dixxiplinari sabiex postijiet bħal dawn jinbnew skont il-liġi."

Minbarra l-postijiet ta' divertiment, Jeanesse tkellimna wkoll fuq il-problema tal-ipparkjar. "Meta tiġi biex tipparkja f'postijiet riservati, issib li jkunu diġà ttieħdu minn persuni li ma jkollhom l-isticker il-blu. Dan mhux sew għalina. Minħabba f'hekk naqtgħu qalbna u nispiċċaw imorru lura d-dar jew nipparkjaw 'il bogħod wisq. Hemm bżonn li l-gwardjani lokali jieħdu l-passi meħtieġa kontra min jipparkja fil-postijiet riservati. Ħaġa oħra li tweġġagħni hija li spiss il-karozzi jipparkjaw quddiem ir-rampi b'mod li ma jkunx jista' jgħaddi siġġu tar-roti u għalhekk ikollna ngħaddu mit-triq b'sogru kbir."

Jeanesse tirrimarka t-titjieb li rat fis-servizz tat-trasport pubbliku. "Tul l-aħħar snin, it-trasport pubbliku beda jsir aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità. Qabel lanqas kont toħlomha li persuna b'siġġu tar-roti tuża tal-linja minħabba li bilfors trid tuża t-taraġ. Issa minn meta introduċew tal-linja bil-low floor saret komda li persuni b'diżabilità jużaw tal-linja."
Itemm tgħid li f'pajjiżna għad fadal xi jsir. "Għamilna passi 'l quddiem f'pajjiżna imma għad fadal xi jsir biex ikollna soċjetà inklużiva. Hemm bżonn li l-awtoritajiet jaħdmu iktar biex dawn il-problemi jitnaqqsu u jinstab tarfhom malajr kemm jista' jkun. B'hekk ngħixu ħajja aktar faċli bla ostakli u nkunu aktar indipendenti."
Ftit jiem ilu, Jeanesse fetħet grupp għal kulħadd biex tkun tista' titkellem miegħek u ma' oħra, u qed tistenniek biex inti tissieħeb ukoll f'dan il-grupp. Idħol hawn u agħfas join!
No comments:
Post a Comment