AĠĠORNATA (21:11): Chris ħareġ mill-ħabs.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Chris jistqarr: "Għada sejjer l-iskola u l-Ħamis għandi l-isptar. Nerġgħu naqbdu r-rutina. Grazzi lil kulħadd, lil kull min kellu x'jaqsam mal-istorja. Xħin sirt naf bqajt bla kliem dak il-ħin."

Ma' Xarabank Chris jgħid: "Nirringrazzja lill-pubbliku tal-appoġġ li ta lit-tfajla tiegħi, li fehem is-sitwazzjoni kif inhi u għall-inqas fehem li sakemm jiġru l-affarijiet, tal-inqas għandi nkun fuq barra. Napprezza dan kollu għax tal-inqas ħadna r-riżultat fl-aħħar. Ma kontx qed nistennieha tal-lum. Wara dak kollu li ppruvajna u dejjem bqajna bla feedback, f'daqqa waħda ma stennejtx li din se tiġri ċum bum."
AĠĠORNATA:
Xarabank jinsab quddiem il-bieb tal-Ħabs fejn ftit minuti oħra Chris Bartolo se joħroġ mill-ħabs fejn se jkun qiegħed fuq house arrest.

Ma' Xarabank Rachel, it-tfajla ta' Chris, ftit minuti qabel ma' Chris joħroġ mill-ħabs tgħid: "Ħolma li ilni ħafna nistennieha. Fl-aħħar waslet. Illum nistgħu ngħidu li seħħet ġustizzja. Għad hemm il-proċeduri tal-Qorti, però dan huwa pass kbir. Għadni lanqas nista' nemmen. Nixtieq nara r-reazzjoni tiegħu."
Tkellimna wkoll mal-Avukat tiegħu, Dr Franco Debono li jistqarr: "Naħseb li saret ġustizzja f'dan l-istadju. Wieħed irid jirrispetta l-eżodu eventwali tal-Qorti. Hemm proċeduri l-Qorti u appell kriminali li għad irid jinstema'. Din hija deċiżjoni importanti ħafna, fejn bniedem li teknikament għadu persuna innoċenti għax għad hemm appell pendenti u t-tieni nofs tal-proċeduri li għadu ma ġiex deċiż. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha illi taw sostenn għal din il-kawża ġusta u umanitarja, inkluż lill-Avukat Jason Grima, li kien l-avukat sal-ġuri."
Qabel:

Chris Bartolo, il-prigunier mingħajr kliewi li kien qiegħed jiskonta sentenza l-Ħabs, se jinħareġ mill-Ħabs illejla. Il-Kabinett ikkonsulta fuq it-talba li l-avukat tiegħu, Franco Debono, ressaq lill-President ta’ Malta, u wasal għad-deċizjoni li minħabba l-kundizzjoni tiegħu, ikun aħjar li Chris jieħu t-trattament li għandu bżonn id-dar. Għaldaqstant, Chris se jkun qiegħed fuq house arrest.

Sa ftit snin ilu Chris kien raġel jaħdem u jarmi s-saħħa. Però wara marad serjament. Fi tliet snin tilef 3 kliewi. Bħalissa Chris jinsab il-ħabs, bla kliewi u jista' jkun li qiegħed il-ħabs għalxejn. Din hija l-istorja kollha.
Chris kien jgħix ħajja normali ħafna. Kien jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija u qatt ma kellu inkwiet mal-Pulizija, u ma kellux vizzji.
Però oħtu qabadha kanċer u mietet. Din Chris ħadha bi kbira ħafna u għal xi żmien wara li mietet beda jħossu ma jiflaħx. Beda jħoss sturdament u uġigħ, u ħaseb li dan kollu kien qed jiġrilu minħabba t-telfa t'oħtu. Iżda mar jagħmel xi testijiet.
Imbagħad darba kien qiegħed ix-xogħol. Iċempluli mill-isptar u jgħidulu: "Jew tiġi issa, jekk niġu għalik b'ambulanza." Lil Chris joħduh l-isptar u jgħidulu li marrulu ż-żewġ kliewi. Chris spiċċa bla kliewi.
Dak iż-żmien Chris kien f'Xarabank jirrakkontalna kollox.
Bla kliewi, il-bniedem imut. Chris jibda sensiela ta' operazzjonijiet u jagħmel sigħat sħaħ imwaħħal mal-magni biex jippruvaw isalvawlu ħajtu. Minn dakinhar, il-ħajja ta' Chris tinqaleb ta' taħt fuq. Biex isalva, Chris ikollu bżonn kilwa. Sarah, l-ekstfajla tiegħu, tisma' li Chris għandu bżonn l-għajnuna u tibda tipprova tgħinu biex isib kilwa.
Dak il-perjodu f'Xarabank konna stedinna lil Chris u lill-ekstfajla tiegħu biex ngħinuhom isibu kilwa għal Chris.
Wara dan il-programm, Sarah tirċievi rispons enormi. Għexieren ta' nies jgħidulha li jixtiequ jagħtu kilwa lil Chris u mijiet ta' nies oħra jinkitbu biex wara mewthom jagħtu l-organi tagħhom għal min hu fil-bżonn. Ir-rispons tant ikun qawwi, li l-ġimgħa ta' wara, Sarah terġa' tiġi f'Xarabank biex tirringrazzja lill-Maltin.
Dakinhar fost in-nies li jkun qed jaraw Xarabank mid-dar, ikun hemm Stephen. Wara l-programm, huwa jċempel lil Sarah u jgħidilha li jrid jagħti kilwa minn tiegħu lil Chris.
Jagħmlulhom it-testijiet u l-kilwa taqbel. Chris u Stephen jidħlu l-isptar u jsir it-trapjant. L-operazzjoni ddum 8 sigħat. U din tirnexxi. Jumejn wara l-operazzjoni, f'Xarabank tkellimna ma' Chris u ma' Stephen bit-telefown. Kollox ikun sejjer tajjeb. Iżda...
Fi żmien li jdum jistenna li tinstablu kilwa, Chris ikun muġugħ ħafna, u minkejja l-pirmli li jagħtuh, l-ugigħa ma kienx iħalli jorqod. Biex itaffi l-uġigħ, jibda jpejjeġ il-ħaxixa. Chris qatt ma kien ħa droga u ma kienx jaf x'effett tħalli. Jipprovaha u din taħdem. Ittaffilu l-uġigħ u tgħinu jorqod billejl wara jiem sħaħ imqajjem.
Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, Chris ma jkunx jista' jaħdem u allura jispiċċawlu l-flus. U meta jispiċċawlu l-flus, bħal ħafna nies oħra li jieħdu d-droga, Chris jibda jbigħ il-ħaxixa lill-ħbieb tiegħu ħalli jkollu biex jixtri tiegħu wkoll.
Lil Chris jarrestawh, isibulu 160 gramma ħaxixa, u jtellgħuh il-Qorti akkużat bi traffikar ta' droga. Sakemm ikun tiela' u nieżel il-Qorti, Chris jibqa' jikkumbatti biex isalva ħajtu. Isir it-trapjant tal-kilwa, jirnexxi, l-uġigħ jispiċċa, u Chris jieqaf jieħu l-ħaxixa għax jibqagħlux iktar bżonnha. Però sadanittant, is-sentenza tal-Qorti tibqa' mdendla fuq rasu.
F'April li għadda, il-Qorti taqta' s-sentenza u twaħħal lil Chris 5 snin ħabs u €15,000 multa. Chris jispiċċa l-ħabs bil-kilwa ta' Stephen ġo fih. Biex il-ġisem tiegħu jidra l-kilwa l-ġdida, Chris ikollu bżonn ħafna pilloli kuljum, kura kontinwa u post nadif fejn joqgħod. Il-kundizzjonijiet fil-ħabs huma terribbli għal xi ħadd li qiegħed fil-pożizzjoni ta' Chris.
Chris ma jistax jixrob ħafna, u fis-sajf, fil-ħabs, bla arja kkundizzjonata, ikun se jiġġennen. Chris jallega li darba minnhom, il-ħabs ma tawhx il-mediċina wkoll. Fil-kundizzjonijiet ħżiena li jkun fihom, lil Chris tmurlu kwila oħra. It-tielet waħda. Il-kilwa li tah Stephen.
Stephen jisma' x'ġara u jiġi l-uffiċċju ta' Xarabank jinsisti li jrid jitkellem. Dakinhar, Stephen jitkellem għall-ewwel darba ma' Xarabank.com.mt.
L-istorja ma tiqafx hawn. Ftit ġimgħat ilu, il-Qorti Kostituzzjonali waslet għall-konklużjoni li meta arrestaw lil Chris, huwa ma kienx f'kundizzjoni ta' saħħa tajba, u minħabba f'hekk, il-każ kollu tiegħu għandu jerġa' jibda jinstema' mill-bidu. Il-Qorti ddikjarat li dak kollu li ġara s'issa huwa null.
Dan ifisser li Chris għadu mhuwiex ħati u xorta waħda qiegħed il-ħabs. Dan ifisser li Crhis mhux biss qiegħed il-ħabs mingħajr kliewi, bla saħħa u f'kundizzjonijiet ħżiena imma jista' jkun ukoll li Chris qiegħed il-ħabs għalxejn.
Dan ifisser li Chris għadu mhuwiex ħati u xorta waħda qiegħed il-ħabs. Dan ifisser li Crhis mhux biss qiegħed il-ħabs mingħajr kliewi, bla saħħa u f'kundizzjonijiet ħżiena imma jista' jkun ukoll li Chris qiegħed il-ħabs għalxejn.
No comments:
Post a Comment