Monday, 19 February 2018
"Ipprova jagħtini bil-mus fl-istonku" - Mikaela l-kantanta
Mikaela Attard u tfajla oħra ġew aggrediti wara li nżammu kontra l-volontà tagħhom.
Kien għall-ħabta tal-11:15, tal-bieraħ filgħaxija, meta Mikaela Attard u ħabiba tagħha ġew attakkati minn raġel f'San Ġiljan. Huwa żammhom kontra r-rieda tagħhom, u filwaqt li għamel mus m'għonqha, ipprova jisraq il-basket ta' Mikaela.
Aħna tkellimna ma' Mikaela li tgħidilna kif għadha taħt xokk. "Ninsab ixxukkjata u qisni ma nistax nirrealizza li din vera ġrat."
Tgħidilna kif kienu fi triq imdawla, meta żewġt irġiel talbuhom sigarett. "Konna qegħdin nistennew lil xi ħbieb tagħna ħerġin minn stabbiliment, u ġew żewġt irġiel li talbuna sigarett. Ħabibti tathom sigarett u wara li dawwart wiċċi lejn in-naħa tax-xellug, nara mus m'għonqi u fl-istess ħin qed jiġbidli l-baskett. Dak il-ħin għedtlu, 'Inti bis-serjetà?' Dak il-ħin lanqas bdejt nipproċessa dak li kien qed jiġri."
U r-raġel baqa' jiġbed il-baskett sa ma ħarab bih. "Baqa' bil-mus m'għonqi u baqa' jiġbed il-basket sakemm ħadli l-baskett u hu u r-raġel l-ieħor qabdu jiġru. Aħna tlaqna niġru warajhom u rnexxielna nilħquhom. Xħin ilħaqniehom, ir-raġel li ħadli l-basket dar bil-kontra u pprova jagħtini daqqiet ta' mus fl-istonku. Imnalla kelli kowt kbir. Bqajna niġru warajhom u nagħjtu li għandu l-basket tiegħi. Dak il-ħin kien hemm xi membri tas-sigurtà ta' stabbiliment li telqu jiġru għal warajh, u rnexxielhom jaqbdu r-raġel li kellu l-mus."
"Ma stajtx nemmen dak li ġara. Bdejt nitriegħed bix-xokk u l-qatgħa li ħadt. Nixtieq nirringrazzja lil kull min għenna u għandi rispett kbir lejn il-membri tas-sigurtà u l-pulizija li għenuna. Nixtieq li din ma tiġri 'l ħadd għax mhijiex esperjenza sabiħa," ittemm tgħidilna Mikaela.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment