best deal

Monday, 26 February 2018

BIL-FILMAT: Joħroġ minn qassis u jibqa' jaħdem fil-missjoni



Dan Anthony Zammit. Kien qassis mal-Ordni tal-Franġiskani Konventwali. Wara 27 sena, ħareġ minn qassis iżda baqa' jaħdem bħala missjunarju.

"Jien minn dejjem xtaqt insir qassis u ridt immur il-missjoni. Dħalt mal-Patrijiet Franġiskani u hemm għext tajjeb ħafna, għamilt ħafna xogħol u fil-fatt mort il-missjoni. Però mbagħad bdejt ngħejja bil-korruzzjoni tal-Knisja."



U Anthony jiddeċiedi li jitlaq minn qassis. "Jien kont naħdem bħala kappillan fl-Isptar t'Għawdex. L-Isqof kien qalli li kellu bżonni hawnhekk u ma setax jibgħatni l-missjoni. Ħassejt li la għandi skola fil-Perù, kont fid-dmir li nkompli nsaħħaħha, u ma ridtx inħalliha waħedha. U għalhekk tlabt li noħroġ minn qassis."



Fil-Perù, Anthony bena skola wara li ra lit-tfal bid-droga f'idejhom. "Fejn kont kienu jkabbru d-droga. Meta l-ġenituri kien ikollhom tfal li jridu jistudjaw, kienu jibagħtuhom barra. Però biex tibgħathom trid il-flus, u l-uniku mezz li bih setgħu jagħmlu l-flus kien li jġorru u jbigħu d-droga. Ħafna minnhom kienu jinqabdu u jintefgħu l-ħabs, fejn hemm ħafna ommijiet u tfal orfni. L-unika soluzzjoni li rajt kienet li nibni skola u nagħmilha għal tfal li jridu jistudjaw biex ma jkollhomx bżonn imorru barra r-raħal."



Minbarra l-mard li ltaqa' miegħu, fejn minħabba fih diversi drabi kellu jiġi lura Malta, Anthony jispjega t-tbatijiet li ra u mess b'idejh. "Rajt nies imsawta u anke tfal jinqatlu. Qed niftakar f'tifla li ma kinitx timxi u ma kinitx titkellem. Konna narawha fil-ħanut ċkejken t'ommha. Jiena kont nixtrilha ċ-chips jew ġelat biex nisraq tbissima mingħandha. Ridt nixtrilha siġġu tar-roti ġdid iżda missierha flus ried u ma kontx lest nagħtih il-flus.

"Qabel ma għalqet 14-il sena, tiġri l-aħbar li missierha qatilha bis-sikkina tal-kċina u mbagħad ipprova joqtol lilu nnifsu iżda weġġa' u ma rnexxilux. Wara li missierha taha banju, jidher li hi jew ippurgat jew ġie l-period u għal missierha din kienet l-iswiċċ u tilifha. Qabad is-sikkina u qatilha b'ħafna daqqiet. Ħareġ ukoll li hu kien jabbuża minnha sesswalment minn meta kellha 9 snin. Hi qatt ma kienet tgħid lil ħadd għax ma kinitx tista' titkellem. Jien imbagħad fhimt l-għaliex kienet tibża' minni għax jien kont raġel ukoll."



Il-missjoni tbiddel lil Anthony. "Dejjem inżomm ġo fija. Il-missjoni biddlitni, sirt ħafna sensittiv u darba niftakar li meta kien hemm xi ħadd għajjat miegħi x-xogħol, infqajt nibki. Niftakarni nistaqsi lili nnifsi kif qed nibki, raġel ta' 60 sena. Imbagħad irrealizzajt li jien m'għadnix li kont minħabba t-tbatija li rajt."



Minkejja t-tbatija li ra, Anthony jixtieq li jkompli jmur il-missjoni. "L-aħħar li mort din is-sena imma nixtieq li mmur lura l-Perù f'Selva Santa Rosa biex nibni dar għall-anzjani u fl-istess ħin kmamar biex nikri lill-għalliema b'renta li biha nista' nitma' u nieħu ħsieb lill-anzjani li litteralment imutu waħedhom, maġenb it-triq."

Anthony għandu proġetti oħra u determinat li b'għajnuna ta' ħafna nies iwettaqthom u bihom ikun jista' jqanqal tbissima fuq fomm dawn in-nies.

1 comment:

  1. Let me be the first person to Comment. I am Anthony Zammit and I would like to thank Marilyn Mintoff who has shared this with the thousands of Xarabank Fans. I do not like to brag because I di nothing but it was The Lord who chose to use me and by the donations of many Generous people especially Maltese. Here is a link for the video of the School Inauguration for which I went this year. https://www.youtube.com/watch?v=X09LJUc8pfQ&t=3122s

    ReplyDelete